Il-MEUSAC laqqa’ flimkien numru ta’ kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew miż-żewġ partiti ewlenin flimkien mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli.
Għal din il-laqgħa, li saret fil-bini tal-MEUSAC fil-Belt Valletta attendew il-kandidati Stefano Mallia, Ray Bugeja u Helga Ellul f’isem il-Partit Nazzjonalista u Ivan Grixti, Deborah Schembri u Marlene Mizzi f’isem il-Partit Laburista.
Il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb spjega kif il-MEUSAC tul il-kampanja elettorali ħadem biex jinforma lill-elettorat li l-Unjoni Ewropea taħdem ukoll fuq liġijiet li jolqtuna lokalment.
F’diskors wara li daret l-uffiċċji tal-MEUSAC, il-Ministru Helena Dalli ħabbret kif fl-aħħar ħames snin u nofs, bl-għajnuna tal-MEUSAC, NGOs u Kunsilli Lokali rċivew mat-30 miljun ewro f’fondi mill-Unjoni Ewropea għal total ta’ 250 proġett differenti.
Min-naħa tiegħu Vanni Xuereb fisser kif diġa’ teżisti kollaborazzjoni bejn il-MEUSAC u l-Membri Parlamentari Ewropej u anke mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.
Waqt l-istess laqgħa tħabbar ukoll li tlesta x-xogħol ta’ modernizzar fid-daħla tal-bini tal-MEUSAC li issa ġie mgħammar mhux biss f’pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll b’apparat teknoloġiku biex il-pubbliku jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni elettronika.
//= $special ?>