Internazzjonali

L-akbar għargħar fl-istorja tas-Serbja u l-Bosnija-Erzegovina

L-amministraturi fid-diversi bnadi tas-Serbja u l-Bosnija-Erzegovina ddikjaraw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza akuta b’kaġun tal-akbar inżul tax-xita u l-agħar inċidenza ta’ għargħar mindu bdew jinżammu r-rekords, madwar 120 sena ilu.

Talanqas tliet persuni mietu fl-għargħar, bl-ilma tax-xmajjar jifqgħu il-bliet u l-villaġġi fiż-żewġ pajjiżi. Dan bil-konsegwenza li numru kbir ta’ komunitajiet spiċċaw inaċċessibbli u fost il-valangi tal-art li koprew ħafna residenzi bil-gliegel tat-tajn.

Filwaqt li ntbagħtu l-helicopters tal-Armata biex jevakwaw l-eluf tar-residenti li spiċċaw f’sitwazzjonijiet impossibbli, hu minnu li l-maltemp qed ifixkel bil-kbir l-isforzi ta’ fejda.
L-iskwadri tas-salvataġġ fis-Serbja qalu li rnexxielhom jevakwaw mal-4,000 persuna, iżda l-Prim Ministru Serb, Aleksander Vucic, sostna mingħajr tlaqliq li l-poplu qed jiffaċċja ‘l-akbar diżastru mill-għargħar li qatt għadda minnu l-pajjiż’.

L-awtoritajiet fil-Bosnja wkoll qed jużaw il-helicopters tal-Armata fit-tentattivi biex isalvaw numru kbir ta’ residenti u meta n-nies huma kostretti li ‘jgħixu’ fuq il-bjut tad-djar minħabba l-livelli tal-għargħar terribbli. Anki f’dan il-każ, il-maltemp qed iħarbat l-impenn għall-evakwazzjonijiet, bil-kelliema għas-servizzi tal-emerġenza jaqblu li l-missjoni ‘hi l-aktar waħda diffiċli li qatt kellhom jiffaċċjaw’.