Meta kien qed jindirizza lekċer dwar l-irwol ta’ Malta fil-kunflitt tal-Libja fi Clara College, Cambridge, l-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi qal li l-isfidi li Malta kellha tiffaċċja fil-kriżi tal-Libja kienu erba’: morali u etiċi, politiċi u ekonomiċi, kostituzzjonali u umanitarji.
Lawrence Gonzi qal li bħala pajjiż newtrali b’waħda mill-aktar ekonomiji miftuħa tad-dinja, Malta kellha tagħżel bejn li tkun moralment kuraġġuża u għalhekk tieħu pożizzjoni ta’ prinċipju favur il-poplu Libjan jew li b’konvenjenza, tuża n-newtralità bħala skuża biex ma tikkundannax dak li kien qed iseħħ fil-Libja.
Il-pożizzjoni kuraġġuża li ħadet Malta fil-konfront tal-vjolenza mir-reġim ta’ Gaddafi ma kienitx faċli speċjalment fid-dawl tal-interessi kummerċjali u ta’ investiment kif ukoll dawk u ta’ ħaddiema Maltin fil-Lija, li kellhom dejjem jiġu ssalvagwardjati.
Lawrence Gonzi ma naqasx li jsemmi d-deċiżjoni riskjuża, iżda kuraġġuża li ħadet Malta meta żewġ mirage jets niżlu fl-ajruport ta’ Malta wara li l-bdoti ma obdewx l-ordnijiet tar-reġim ta’ Gaddafi li jispara fuq il-poplu Libjan. Din id-deċiżjoni turi li Malta hija pajjiż modern li jirrispetta d-drittijiet umani akkost ta’ kollox. Lawrence Gonzi fakkar kif Malta għenet biex pajjiżi oħra joħorġu ċittadini tagħhom b’mod sigur mil-Libja wara talbiet minn Gvernijiet differenti minn madwar id-dinja kollha. B’rabta ma’ dan, huwa tkellem dwar kif Malta serviet bħala ċentru mediku għal dawk il-Libjani li sofrew xi ġrieħi fil-kunflitt fil-Libja. Lawrence Gonzi fakkar li kienet il-ġenerożità ta’ Malta li wasslet biex Misurata ma taqax f’idejn il-forzi ta’ Gaddafi hekk kif Malta kkordinat missjoni umanitarja li wasslet ikel, mediċini u affarijiet essenzjali oħra f’Misurata li wasslu biex salvaw eluf ta’ ħajjiet.
//= $special ?>

