Sport Sport Ieħor

Marquez l-aktar veloċi

Iċ-champion renjanti u lider Marc Marquez tal-Honda irreġistra l-aħjar ħin, fiż-żewġ sessjonijiet ta’ provi liberi għall-Grand Prix ta’ tmiem il-ġimgħa li se jsir fi Franza fiċ-ċirkwit ta’ Le Mans. Waranofsinhar Marquez tejjeb il-ħin li kien għamel fil-għodu u għamel l-aħjar dawra f’ħin ta’ 1.33.452′, ħin li hu aqwa mill-ħin rekord li kien għamel Dani Pedrosa f’dan l-istess ċirkwit fl-2011.

Bħalissa Marquez għandu vantaġġ komdu ta’ 28 punt f’ras il-klassifika bl-eqreb rivali tiegħu jkun Dani Pedrosa, wkoll fuq Honda. Fit-tielet post tal-klassifika tas-sewwieqa wieħed isib lill-veteran Taljan Valentino Rossi tal-Yamaha b’39 punt inqas minn Marquez.