Futbol Sport

Messi jġedded il-kuntratt ma’ Barcelona

L-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi ġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb Katalan. Għalissa Barcelona ma żvelawx id-dettalji ta’ dan il-kuntratt imma skond rapporti fil-ġurnali Spanjoli l-attakkant Arġentin ta’ 26 sena se jiffirma kuntratt ta’ senau se jibda jirċievi madwar 20 miljun ewro fis-sena.

Il-kuntratt attwali ta’ Messi kien se jiskadi fl-2018 u b’din l-aħbar se jiġu fi tmiemhom l-ispekulazzjonijiet li dan jista’ jingħaqad ma’ Manchester City. Dan l-istaġun Messi skurja 41 gowl f’43 logħba u llum mistenni jibda mal-ewwel 11 fil-logħba deċiżiva fil-Camp Nou kontra Atletico Madrid. B’rebħa, Barcelona jkunu inkurunati champions ta’ Spanja.

Messi beda l-karriera mal-klabb Arġentin ta’ Newell’s Old Boys u ta’ 13-il sena ingħaqad mal-akkademja ta’ Barcelona magħrufa bħala l-‘La Masia’. F’Ottubru tal-2004 iddebutta mat-tim tal-kbar u minn dakinhar ‘l hawn Messi skurja 342 gowl f’405 dehra bil-flokk ta’ Barcelona u fost diversi unuri rebaħ sitt darbiet il-kampjonat Spanjol, tliet darbiet iċ-Champions League u darbtejn it-Tazza tar-Re. Barra minn hekk rebaħ erba’ darbiet il-Ballun tad-Deheb.

BERBATOV – L-attakkant ta’ Monaco Dimitar Berbatov ġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb Franċiż b’sena oħra. Fl-aħħar ta’ Ġunju l-kuntratt tal-eks players ta’ Tottenham u Man Utd kien se jiskadi iżda dan il-player ta’ 33 sena għażel li jibqa’ għal sena oħra mat-tim li din is-sena ikkwalifika għaċ-Champions League. Berbatov ilu ma’ Monaco sa minn Jannar li għadda.