Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Sensiela ta’ gideb mill-Gvern Laburista

F’temp ta’ ftit jiem il-Gvern ta’ Joseph Muscat inqabad fi tliet gidbiet, xi ħaġa gravi speċjalment meta wieħed ikun qed jerfa’ pożizzjoni ta’ responsabbiltà. Imma issa bħal donnu l-Gvern qed idaħħal mentalità li xejn mhu xejn.

Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa ta’ djalogu f’San Ġwann.

L-ewwel gidba li tkellem dwarha Simon Busuttil hi dik tal-Ministru Owen Bonnici, li rrepetiha Joseph Muscat, meta qal li l-kuntratt ta’ Henley & Partners għall-bejgħ tal-passaport Malti, ma jistax jiġi żvelat għax qiegħed il-Qorti. Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni talbet ruling mill-ispeaker u tesiġi li tingħata mill-iktar fis possibbli.

Gidba oħra tal-Prim Ministru li l-ewwel qal li l-kuntratt tal-power station għad irid jiġi ffirmat, u ftit minuti wara qal li ġie ffirmat. Din hi waħda minn litanija ta’ gideb li qed jinkixfu dwar dan il-proġett qal Simon Busuttil li kompla li l-Gvern inqabad jigdeb ukoll meta qal li l-power station hi fabbrika tal-kanċer meta statistika turi li taħt l-istess power station il-kwalità tal-arja tjiebet.

Fis-settur tal-enerġija dan il-Gvern daħaq ukoll bil-poplu meta Joseph Muscat qal li tanker bil-gass ikun ta’ periklu fil-bajja meta fl-istess żmien il-Ministru Edward Scicluna kien qed jipprova jġib fondi għal proġett simili barra l-bajja ta’ Marsaxlokk.

Simon Busuttil fakkar kif minbarra dan, il-Gvern qed jigdeb fuq ħaddieħor, inkluż fuqu; aġir li juri li hu Gvern daru mal-ħajt li l-ħidma tal-Oppożizzjoni qed tniggżu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ wkoll kif dan il-Gvern qed jonfoq il-flus fuq tal-qalba, imma nesa’ l-proġetti kapitali, il-qgħad żdied, id-dejn żdied, bejgħ mill-ħwienet naqas, tnaqqis fl-importazzjoni u esportazzjoni għax lis-suldati tal-azzar jiftakar fihom biss qabel l-elezzjoni.

Intant Simon Busuttil appella lil kull min hu eliġibbli jivvota, biex iħares madwaru u jara fejn il-Gvern daħaq bih u wżah biss għall-vot – il-vot hu vuċi għal min il-Gvern ivvendika ruħu minnu.

Matul id-djalogu tkellem ukoll l-Ewro Parlamentari David Casa li fakkar kemm kienet diffiċli li Malta tissieħeb membru. Qal li minkejja li għadda ż-żmien, il-Partit Laburista ma nbidilx u llum attivisti qed iqassmu leaflets u brieret ħomor fir-residenza San Vinċenz De Paule u fakkar li pulizija qalgħet erba’ transfers fi ftit jiem fost ħafna każi oħra.

Minn naħa l-oħra Roberta Metsola tkellmet dwar kif fl-aħħar sena qabżet għall-poplu Malti fil-Parlament Ewropew u dwar il-kuntrasti bejn dak li qala’ l-poplu, żewġ żenteżmi ta’ ewro roħs fil-petrol u żieda fil-liċenzji tal-karozza.