Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Qorti

Simon Busuttil jippreżenta kawża ta’ libell kontra l-PL u lment lill-Awtorità tax-Xandir

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum fetaħ kawża ta’ libell kontra l-Partit Laburista wara li għal darb’oħra rrepeta gideb sfaċċat, allegazzjonijiet u insinwazzjonijiet foloz u malafamanti kontrieh bi produzzjoni politika manipulata li qed tixxandar fuq ix-xandir tal-istat bħala parti mill-iskeda ta’ xandiriet politiċi organizzata mill-Awtorità tax-Xandir.

Din il-produzzjoni politika ssemmi “€1.5 miljun direct orders” u tagħmel insinwazzjonijiet foloz u diżonesti bl-użu ta’ clips magħżula b’mod selettiv u editjati b’mod manipulattiv minn kummenti li l-Kap tal-PN ta lill-media. L-użu ta’ dawn il-kummenti sar kompletament barra mill-kuntest tagħhom.

Il-PN fakkar li fil-ġimgħat li għaddew il-Kap tal-PN Simon Busuttil diġà ressaq kawża ta’ libell kontra min għamel dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu b’mezzi oħrajn. Minbarra l-libelli, il-Kap tal-PN ripetutament sfida lil Joseph Muscat biex, kif inhu fid-dover tiegħu ta’ Prim Ministru, jinvestiga l-allegazzjonijiet li hu stess qed jagħmel fil-konfront tal-Kap tal-PN. Muscat għadu ma laqax din l-isfida, iżda xorta waħda qed jippersisti billi jxerred il-gideb tiegħu bħala parti minn kampanja sistematika ta’ ħmieġ kontra l-Kap tal-PN.

Minbarra l-libell, li ġie ppreżentat fil-Qorti dalgħodu, il-PN ressaq ukoll ilment lill-Awtorità tax-Xandir, li fih qed jitlob li titwaqqaf il-produzzjoni politika tal-Partit Laburista b’effett immedjat. Dan għaliex l-Awtorità tax-Xandir m’għandhiex tkun kompliċi f’dan l-eżerċizzju ta’ gideb u tfigħ ta’ tajn.