Ekonomija

Sistema ġdida ta’ pagament permezz tal-Yes Money Card

Il-konsumatur Malti u n-negozjanti f’pajjiżna issa jistgħu jagħmlu użu minn sistema ġdida ta’ pagament permezz tal-Yes Money Card – inizjattiva ta’ Insigna Card Limited flimkien ma’ Lighthouse Group u bl-appoġġ tal-GRTU kif ukoll tal-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar.

Dettalji dwar din l-inizjattiva ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet. Din il-karta ta’ kreditu m’għandha l-ebda miżata, la mal-applikazzjoni u lanqas fis-sena u permezz tagħha, il-konsumatur jista’ jixtri llum u jħallas f’pagamenti fissi kull xahar. Dan se jwassal biex il-konsumatur ikollu kreditu x’jonfoq, u l-kummerċjanti jirċievu flus li jgħinuhom jinvestu. Din hi inizjattiva oħra minn sensiela li ttieħdu mill-Insigna u li se jwasslu biex Insigna jinvestu mal-25 miljun ewro f’pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Lighthouse Group Roderick Muscat Monsigneur semma kif iktar minn 90 kummerċjant ewlieni f’pajjiżna diġa’ ngħaqad f’din l-inizjattiva. Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Chris Cardona fisser din l-inizjattiva bħala servizz li se jbiddel għall-aħjar il-bejgħ u x-xiri u eżempju ta’ kumpanija li għarfet tisfrutta t-teknoloġija.