Editorjal

Editorjal: Suspetti ta’ xibka ta’ influwenzi moħbijin

Ftit ġrajjiet ta’ dan l-aħħar iġegħluna nitħassbu dwar influwenzi moħbijin fuq it-tmexxija tal-pajjiż. Għax il-gvern ittellgħu l-maġġoranza u jrid jaħdem għal kulħadd, mhux għal xi interessi li jinfluwenzawh b’mod ħażin u mudlam.

Segretezza dwar il-kuntratt ma’ Henley and Partners
Għadu kemm kellna l-insistenza tal-gvern li jżomm sigriet il-kuntratt mal-kumpanija Henley and Partners; kumpanija li kellha kuntatti mal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali u li f’pajjiżi oħrajn hi akkużata li xaħħmet partiti biex, wara li jirbħu elezzjoni, jagħtuha li trid.

Il-kuntratt tal-power station il-ġdid jinżamm sigriet
Għadu kemm kellna l-iffirmar fis-sigriet tal-kuntratt għal power station oħra; kuntratt li suppost hu ta’ 400 miljun ewro b’rabta ta’ 18-il sena. Bħal Henley, hu ċar li kumpaniji mdaħħlin f’dal-kuntratt kellhom kuntatt mal-Labour qabel l-elezzjoni; kumpaniji barranin u pajjiż barrani li hemm dellijiet suwed fuqhom.

Il-kap tal-iżviluppaturi b’influwenza fil-partit fil-gvern
Għandna l-kap tal-iżviluppaturi f’Malta li mhux biss jieħu sehem f’attivitajiet politiċi tal-Partit Laburista imma wkoll għandu uffiċċju fil-kwartier tal-Partit Laburista u meta Joseph Muscat ħa l-ġurament bħala Prim Ministru daħal qablu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja kif seta’ jara kulħadd.

Maħfra li fiha hu evidenti li gawdiet ħuta kbira jew aktar
Għandna l-maħfra primministerjali lil elf ruħ li xaħħmu biex serqu ammont ta’ elettriku li l-gvern stess ammetta li kien ta’ 30 miljun ewro fis-sena fuq diversi snin – mal-mitt miljun ewro – somma kbira li minnha joħroġ li hemm ħuta kbira jew aktar li ħelsuha b’maħfra meta dan kien każ ta’ korruzzjoni u każ ta’ serq kbir.

Kampanja sinjura tal-Labour
Għandna bħalissa l-kampanja sinjura tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju bi flejjes li dehru ċar anke fl-elezzjoni ġenerali meta l-Labour kien qal li nefaq somma li ħafna nies, anke dawk li s-soltu jiktbu favurih, kienu ħaduha bħala ċajta.

Din hi t-tip ta’ politika li rridu?
Din hi t-tip ta’ politika li rridu? Politika li tqanqal suspetti u kummenti anke minn nies qrib il-gvern Laburista stess li t-tmexxija tal-pajjiż inħakmet minn xibka ta’ interessi moħbijin u tal-flus li jinfluwenzaw il-politika u t-tmexxija b’mod ħażin?

Xibka ta’ interessi moħbijin li titħanżer fuq il-bqija tan-nies onesti
Nistgħu ma naqblux fuq il-policies tal-partiti u fuq dak li jagħmlu, imma żgur li naqblu li t-tmexxija ta’ pajjiż ma tistax tkun ostaġġ ta’ xibka ta’ interessi moħbijin li l-gvern stess jinsisti li jżomm sigrieti u li titħanżer fuq il-bqija tan-nies onesti.

Sinjal mill-Partit Nazzjonalista ta’ politika nadifa li mhijiex mixtrija
Il-Partit Nazzjonalista anke f’din l-elezzjoni, imqar bit-tip ta’ kampanja li qed jagħmel, qed jagħti sinjal ta’ ndafa u li żgur mhuwiex partit mixtri.