L-esportaturi tal-patata u l-bdiewa li jkabbru dan il-prodott agrikolu jinsabu mħassba għax il-patata indiġena Maltija, tal-għamla Alfa, qed titlef il-prezz u l-preġju tagħha fi swieq barranin.
maltarightnow.com mar Ta’ Qali u tkellem ma’ wieħed mill-esportaturi ewlenin tal-patata. Rafel Scerri fisser li, qabel u wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, hu dejjem sab swieq bi prezzijiet tajbin ħafna, partikularment fl-Olanda u fil-Ġermanja.
Hu qal li meta Malta ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea, hu sfrutta mill-opportunitajiet li kien hemm għal esportaturi bħalu u rnexxielu jikseb €46 għal kull qantar patata.
Issa, f’daqqa waħda, qed isib li negozjanti barranin, partikularment Olandiżi li wkoll huma rappreżentati minn persuni Maltin, qed jippromwovu d-diversi varjetajiet tagħhom u jeliminaw il-patata ġenwina Maltija – l-Alfa.
Rafel Scerri esprima l-preokkupazzjoni tiegħu u ta’ sħabu l-bdiewa Maltin li jkabbru l-patata. Dan għax jekk il-patata Alfa ma tibqax tingħata prominenza u ġġib prezz tajjeb, se tispiċċa milli tinxtara barra minn Malta.
Hu jaf ċert li barra minn Malta l-patata Alfa mhix qed iġġib il-prezz mistħoqq bħall-imgħoddi u sas-sena l-ohra twaqqagħlha l-prezz bl-iskop li kumpaniji barranin idaħħlu l-varjetajiet tagħhom. Rafel Scerri saħaq ċ-ċavetta tal-varjetajiet Maltin hi l-Alfa filwaqt li spjega li hu għandu varjetajiet oħrajn bi swieq għalihom iżda huma limitati.
Fisser kif meta din is-sena żar l-Olanda bl-Alfa mill-ewwel induna li ġejja gwerra. Dan għax, skont hu, hemm skop li jwaqqgħulha l-prezz. Rafel Scerri sostna li hu pprova jġib prezz tajjeb, iżda ma kellu kooperazzjoni mingħand ħadd. Hu qed jibża’ li dak li għamlu n-nanniet u l-bużnanniet tagħna se jitkisser filwaqt li żied li l-futur tal-patata f’Malta, jekk tispiċċa l-Alfa, se jmajna.
Rafel Scerri stqarr li din hi problema kummerċjali u saħaq li l-bidwi jrid jitgħallem jisfrutta l-Ewropa u mhux l-Ewropa tisfruttah.
Rafel Scerri fakkar kif hu kien qed jibgħat mitt container, ekwivalenti għal 2,500 tunnellata patata kull sena. Jekk allura l-varjetà Alfa tieħu daqqa ta’ ħarta, mhux biss se jitlef min-negozju tiegħu, izda fuq kollox il-prodott ġenwin Malti se jkun qed jitlef mill-importanza tiegħu.
Bdiewa li tkellmu ma’ maltarightnow.com ukoll jinsabu inkwetati li l-prodott li jkabbru u x-xogħol kollu marbut miegħu, għad jispiċċa jtir mar-riħ. Renald Demanuele qal li hu ma jistax jaħdem b’dawn il-prezzijiet u tenna li ħaddieħor irid jibla d-dinja u jrid ikisser l-Alfa.
Matthew Magro stqarr li jekk wieħed jaqta’ l-ispejjeż u jaqta’ kollox, il-bidwi dejjem se jkun sejjer għall-agħar. Hu qal li għalxejn jinvesti u jixtri l-magni, għax meta jmur biex jippreżenta l-prodott tiegħu, jispiċċa jieħu prezz baxx ħafna. “X’tagħmel, thalliha hawn Malta? …. issifirha trid!,” sostna l-bidwi żagħżugħ.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes żar l-esportaturi tal-patata f’Ta’ Qali nhar il-Ħamis filgħodu u meta numru ta’ bdiewa marru biex ikellmuh u esprimew it-tħassib tagħhom, qalilhom li ma kellux ħin għalihom għax kien mgħaġġel.
//= $special ?>

