Futbol Sport

Villaġġ tat-Tazza tad-Dinja fl-Akwarju Nazzjonali

L-Akwarju Nazzjonali u l-PBS ħabbru uffiċjalment ftehim ta’ kollaborazzjoni fejn il-partiti kollha tat-Tazza tad-Dinja se jkunu qed jixxandru fi Pjazza San Pawl viċin l-istess akwarju f’dak li se jissejjaħ il-Fan Village uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja.

Dan ħabbru Anton Attard Kap Eżekuttiv Eżekuttiv tal-PBS waqt konferenza tal-aħbarijiet. Attard ikkonferma li sa issa l-akwarju Nazzjonali hu l-uniku post li applika uffiċjalment mal-PBS u mal-FIFA biex ikun jista’ jorganizza Fan Village liċenzjat f’Malta.

Attard tenna li l-PBS kien, u se jkompli jkun impenjat biex jibqa’ jxandar avvenimenti sportivi nazzjonali u internazzjonali b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin kollha u dan għaliex il-PBS hu l-istazzjon Nazzjonali u jemmen li l-poplu Malti għandu jgawdi avvenimenti bħal dawn bla ebda ħlas.

Il-partiti kollha tat-Tazza tad-Dinja li b’kollox jammontaw għal 64 se jixxandru fil-Fan Village fi Pjazza San Pawl li se tkun imżewqa b’attrazzjonijiet oħra għall-familja kollha fosthom stands tal-ikel, ristorant viċin u logħob għat-tfal f’atmosfera unika.

Mark Pace, li hu d-Direttur Sales u Marketing tal-akwarju Nazzjonali qal li d-dħul għal Fan Village se jkun b’xejn u l-logħob se jixxandar fuq screen kbir li se jintrama apposta matul ix-xahar tat-Tazza tad-Dinja. It-Tazza tad-Dinja li se ssir il-Brażil tibda fit-12 ta’ Ġunju u tintemm bil-finali fit-13 ta’ Lulju.