Lokali

‘Birzebbugia Environment Group’ jappella li jkun imħares l-ambjent

John Grech, is-Segretarju tal-‘Birzebbuġa Environmental Action Group’, dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Birzebbuġa stess quddiem il-Freeport, spjega kif il-permess biex il-Freeport ikun jista’ jwettaq xoghol ta’ tiswija ta’ vapuri u rigs taż-żejt kellu jkun revokat. John Grech spjega kif ir-residenti ta’ Birżebbuga hemm bzonn li jingħataw aktar importanza.

Dan fis-sens li l-awtoritajiet għandhom jisimgħu l-ħsibijiet tar-residenti fosthom li minħabba ċertu proġetti, bħall-Freeport, fejn issa jista’ jitwettaq xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri u rigs taż-żejt, qed tintilef is-sbuħija ta’ din il-lokalita’ li parti minnha hi mdawwra bil-baħar li ma jistax jitgawda sew, minħabba xi tniġġis.

Dan minbarra, kompla jispjega John Grech, li r-residenti ikollhom ta’ kuljum jisimgħu l-istorbju tal-makkinarji u tal-bastimenti li jidħlu.

John Grech temm jgħid li r-residenti ta’ Birżebbuġa issa ddejqu u jridu li tittieħed azzjoni. Għalhekk il-Birżebbuga Environmental Action Group appella mill-permess ambjentali ta’ din is-sena, li jistipula li l-ħidma fil-Freeport ssir b’tali mod li jkun imħares l-ambjent, f’dan il-każ dak marittimu.