Knisja Lokali

Enfasi biex ikunu mħarsa l-prinċipji fundamentali li ma nistgħux nilagħbu magħhom

F’messaġġ bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Isqfijiet Maltin saħqu li l-progress veru tal-bniedem u tas-soċjeta’ jkun assigurat jekk ikunu mħarsa dawk il-prinċipji fundamentali li ma nistgħux nilagħbu magħhom.

Fi stqarrija, l-Isqof ta’ Malta Pawl Cremona, l-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech indikaw uħud minn dawn il-prinċipji ewlenin.

Dawn huma d-dritt għall-ħajja umana li għandha tkun imħarsa sa mill-mument tat-tnissil sa dak tal-mewt naturali; it-tisħiħ tal-familja naturali mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara; id-dritt tal-bniedem għal xogħol dinjituż u li jkollu paga ġusta; u t-tħaddim meqjus tal-prinċipji tas-solidarjeta’ u s-sussidjarjeta’ fin-nisġa tal-qafas tar-relazzjonijiet soċjali.

Saret ukoll referenza għas-soċjeta’ biex tkompli toffri trattament uman lill-immigranti u tgħinhom jintegraw ruħhom kif ukoll saħqu dwar ir-rispett lejn l-ambjent.
Peress li hu dmir tan-Nisrani li, b’kuxjenza ffurmata, jimbotta ‘l quddiem proġetti li jaqblu ma’ dawn il-prinċipji, l-Isqfijiet Maltin fakkru fid-dritt u d-dmir ta’ kull ċittadin Nisrani biex jivvota f’dawn l-elezzjonijiet ħalli b’hekk jkun qed jagħti s-sehem tiegħu biex il-proġett Ewropew ikun verament b’risq il-bniedem.