Lokali Qorti

Piena ta’ 12-il sena ħabs għal Kenneth Ellul

Kenneth Ellul ta’ 39 sena mill- Furjana u residenti Wied il-Għajn ingħata piena ta’ 12-il sena ħabs wara li nstab ħati 7-2 ta’ tmien Kapi ta’ akkuża li kien qed jiġi mixli fuqhom dwar il-każ tal-Professur Anthony Zammit.

Aktar kmieni hu instab ħati li flimkien ma’ żewġ persuni oħra wettaq “hold-up” fuq il-Professur Anthony Zammit f’Awwissu ta’ sitt snin ilu.

L-ewwel Kap ta’ akkuża tgħid li bejn il-11 u t-12 ta’ Awwissu tal-2008 Kenneth Ellul ta’ 39 sena mill-Furjana u residenti Wied il-Għajn flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn kkommettew serqa ta’ aktar minn €2,329.37 f’oġġetti u flus kontanti.

Dan meta għall-ħata tas-2.00 a.m. daħlu fir-residenza tal-Professur Anthony Zammit fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ u fil-kamra tas-sodda fejn dak il-ħin kien għadu kemm daħal jorqod. Il-ħallelin daħlu fuqu mgħammda u armati b’senter u pistol.

Dawn kienu daħlu mill-bieb prinċipali tad-dar tiegħu wara li marru fuq il-post b’karozza Kia Avella, li kienet insterqet 10 t’ijiem qabel. Kif kien fis-sodda ħatfuh, rabtuh, heddewh, sawwtuh u kkmandawh biex jagħtihom il-flus.

Bid-daqqiet li qala’ l-Professur Zammit, ex deputat Laburista bejn 2008 u l-2013 huwa sofra ksur fl-għadam ta’ wiċċu u ġrieħi oħrajn madwar ġismu. L-akkużat tgħid li b’għemilu Ellul instab ħati ta’ serq, swat u li kkommetta feriti gravi fuq il-vittma, theddid bil-mewt, sekwestru ta’ persuna, u li daħal fil-post bi ċwievet foloz.

It-tieni Kap ta’ akkuża tgħid lil Ellul issekwstra lill-Professur Zammit kontra l-volonta’ tiegħu, bit-tielet Kap tgħid li flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn tah daqqiet f’wiċċu u f’partijiet oħra ta’ ġismu u kkaġunalu feriti gravi.

Ir-raba’ Kap ta’ akkuża tgħid li l-akkużat ikkaġuna lill-Professur Zammit feriti ħfief bil-ħames tgħid li Ellul kien armat b’pisola li ppuntaha lejn il-vittma u li dan għamlu biex jagħtih il-flus u li kellu fuqu wkoll munizzjon.

Is-Sitt Kap ta’ akkuża tgħid li huwa kellu arma u munizzjon mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Is-seba’ Kap ta’ akkuża tgħid li Kenneth Ellul għamel ħsara fil-propjeta’ tal-Professur Zammit u t-t-tmien u l-aħħar akkuża tgħid li flimkien ma’ tnejn oħra fl-1 ta’ Awwissu tal-2008 serqu karozza Kia Avella. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukat Lara Lanfranco u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat deheret l-Avukat Josette Sultana.