Lokali

HSBC Malta joffri faċilita’ biex tgħin lin-negozji Maltin jagħmlu aktar kummerċ maċ-Ċina

Waqt li l-opportunitajiet kummerċjali bejn Malta u ċ-Ċina dejjem qed jikbru, issa ġie mħabbar kif l-HBSC Bank f’Malta huwa l-ewwel bank lokali li qed joffri facilita’ ta’ kummerċ maċ-Ċina bi Trade Settlements diretti fil-munita Ċiniża r-Renminbi magħrufa bħala l-RMB.

Dawn it-Trade Settlements għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ bejn Malta u ċ-Ċina f’din il-munita.

Permezz ta’din il-facilita’, l-HSBC qed joffri lin-negozji Maltin vantaġġ kummerċjali qawwi u fl-istess ħin qed jgħin lill-istituzzjonijiet finanzjarji jifhmu aktar l-opportunitajiet ta’ investiment mal-munita Ċiniża.

Din l-opportunita’ ġiet imħabbra din il-gimgħa waqt Business Breakfast tal-HSBC bl-isem RMB; ‘Supporting Rising Ambition’.

Kif fissret Rongrong Huo, il-kap tal-HSBC tar-Renminbi Business Development Europe, Global Banking & Markets, iċ-Ċina hija t-tielet l-akbar investitur globali wara l-Istati Uniti u l-Gappun, bl-investiment barra mill-pajjiż li kiber b’medja ta’ 35 fil-mija bejn l-2005 u l-2012. U sal-2017 iċ-Ċina mistennija ssir investitur nett fid-dinja, wara l-Istati Uniti.

Waqt din l-attivita’ tkellem il-Kap Ezekuttiv tal-HSBC Malta Mark Watkinson li fisser kif fl-2009 l-RMB kienet munita ftit li xejn magħrufa iżda issa din kibret u issa tammonta għal 8% tal-kummerċ dinja.

Tkellem ukoll il-Kap tal-Global Banking and Markets James Woodeson li ta deskirzzjoni qasira dwar l-ekonomija f’Malta b’perspettivi ġodda dwar kif in-negozji f’Malta jistgħu jkunu parti minn dan it-tkabbir.

Il-kavallier Maurice Mizzi tkellem dwar il-kummerċ maċ-Ċina filwaqt li l-Kap tal-Commercial Banking tal-HSBC Malta Michel Cordina enfasizza kif dawn is-sessjonijiet organizzati minn esperti tal-HSBC jgħinu lin-negozji jikbru u lill-ekonomija Maltija tirnexxi.