Il-Knisja f’Malta ppubblikat sommarju tar-riżultati ta’ kwestjonarju li kien intbagħat fid-djar kmieni din is-sena bi tħejjija għas-Sinodu Straordinarju ta’ Ottubru 2014. Aktar minn 7,000 kwestjonarju mtlew mill-pubbliku u ġew irritornati.
L-istudju juri li 59.9 fil-mija jaħsbu li l-ħafna kriżijiet tal-fidi li qed naffaccjaw illum, għandhom influwenza kbira fuq il-ħajja tal-familja.
Il-maġġoranza ta’ min wieġeb, jiġifieri 72.5 fil-mija, stqarrew li ma kinux familjari ħafna mat-tagħlim dwar il-familja fil-Bibbja u mill-Knisja, filwaqt li 17.4 fil-mija għandhom għarfien sostanzjali dwar dan it-tagħlim.
F’69.7 fil-mija tal-każi, it-tagħlim tal-Knisja dwar il-ħajja fil-familja hi aċċettata b’riservi. It-tagħlim Nisrani li ż-żwieġ hu sagrament u li jfisser fedelta’, esklussivita’ u indissollubbilta’ hu aċċettat iżda 18.8 fil-mija jsibuha diffiċli biex isegwu partikularment it-tagħlim tal-Knisja dwar il-kontraċettivi u l-kontroll tat-twelid (15.8 fil-mija).
Hekk kif 35.3 fil-mija tal-Maltin isibu l-kunċett tal-liġi naturali, li hi komuni fil-ħsieb morali u antropoliġiku tal-Knisja, bħala inkomprensibbli, allura dan hu kunċett inutli f’kull forma ta’ katekeżi ġenerali.
Iżda 62.5 fil-mija jaċċettaw li żwieġ bejn mara u raġel bl-iskop li titwaqqaf familja, hu bażat fuq liġi naturali. Kwart ta’ dawk li bagħtu l-kwestjonarju ma rrispondewx din il-mistoqsija.
Ir-riżultati wrew li t-talb fil-familja (62 fil-mija) għadu komuni f’Malta, għalkemm li 20 fil-mija qalu li ilhom ma jitolbu flimkien.
Il-parteċipazzjoni fil-quddiesa tibqa’ prijorita’ għall-kattoliċi Maltin u Għawdxin; 65.2 fil-mija jattendu l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd u 53.1 fil-mija jiffrekwentaw il-knisja fost il-ġimgħa; oħrajn, li ammontaw għal 8.5 fil-mija, qalu li xi kultant jattendu l-quddies.
Ir-rużarju u żjara quddiem Ġesu’ Sagramentat jibqgħu l-mod komuni ta’ talb individwali; 49.4 fil-mija u 45.4 fil-mija rispettivament, filwaqt li 37.7 fil-mija jaqraw il-Bibbja.
Il-maġġoranza tal-ġenituri (83.3 fil-mija) jaħsbu li hi l-vokazzjoni tagħhom li jittrasmettu l-fidi Nisranija lil uliedhom u lill-qraba tagħhom; 2.8 fil-mija biss ma jaħsbux li għandhom din il-vokazzjoni. 48.9 fil-mija jippruvaw jittrasmettu l-fidi tagħhom bl-eżempju, speċjalment billi jgħixu valuri Nsara; 12.3 fil-mija jinkoraġġixxu ‘l uliedhom biex jipparteċipaw f’attivitajiet tal-Knisja.
Kważi 47.2 fil-mija jaħsbu li l-Knisja f’Malta qed taħdem biżżejjed biex tgħin lill-koppji li għaddejjin minn kriżijiet fil-ħajja miżżewġa tagħhom; 10.9 fil-mija jaħsbu li, bħala istituzzjoni, il-Knisja m’hix qed taħdem biżżejjed.
Ħafna minn dawk li wieġbu l-kwestjonarju jafu b’koppji li qed jgħixu flimkien iżda m’humiex miżżewġin. Fil-fatt 29.9 fil-mija jafu sitt koppji li qed jgħixu b’dan il-mod, 36.7 fil-mija jafu b’żewġ jew ħames koppji u 9.2 fil-mija jafu b’koppja waħda. 28.7 fil-mija tal-Maltin qalu li koppji li qed jikkoabitaw jaħsbu li, filwaqt li Alla jifhimhom, il-Knisja le u 9.2 fil-mija jaħsbu li l-Knisja qed teskludihom. Perċentwal għoli tal-Maltin juri li l-Knisja hi mħassba dwar il-fatt li persuni divorzjati u dawk li żżewġu mill-ġdid jixtiequ jirċievu l-Ewkaristija.
L-istudju indika li 75 fil-mija ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li jekk l-annullament taż-żwieġ jitħaffef, ikun jista’ jgħin lil dawk in-nies li l-ewwel żwieġ tagħhom falla.
Mistoqsija dwar l-attitudni tal-Knisja f’Malta lejn l-Istat li jilleġiżla dwar l-Unjoni Ċivili bejn persuni tal-istess sess, aktar minn kwart ta’ dawk li wieġbu (26.6 fil-mija) qalu li l-Knisja jew għandha attitudni negattiva jew qed topponi direttament il-leġislazzjoni, filwaqt li 8.2 fil-mija qalu li l-Knisja qed toġġezzjona għal liġi li tpoġġi fuq l-istess keffa unjonijiet ċivili maż-żwieġ kif ukoll l-adozzjoni tat-tfal minn koppji omosesswali.
Hi wkoll evidenti li m’hemm ebda għarfien ċar dwar il-ministeru pastorali li jrid jittieħed sabiex jgħin lil dawk li jidħlu għal Unjoni Ċivili biex jgħixu fl-imħabba ta’ Alla u l-Fidi Nisranija.
Barra minn hekk 29.8 fil-mija qalu li t-tfal kollha huma l-istess u għandhom ikunu trattati bħala tali b’imħabba u b’rispett; għaldaqstant tfal adottati mill-gays f’Unjoni Ċivili għandhom ikunu trattati bl-istess rispett fejn tidħol il-Magħmudija u l-klassijiet tal-katekiżmu.
Min-naħa l-oħra, 30.9 fil-mija jaħsbu li persuni li qed jgħixu fi żwieġ irregolari jistennew li l-Knisja titratta ‘l uliedhom b’mod simili għal dawk it-tfal ta’ koppji miżżewġin bil-Knisja; u 19.2 fil-mija qed jistennew lill-Knisja biex taħfrilhom u tħallihom jirċievu s-Sagramenti.
Filwaqt li 43.7 fil-mija tal-popolazzjoni qalu li jafu x’tgħallem l-enċiklika Humanae Vitae, 44.5 fil-mija ammettew li ma jafux x’fiha. 81.1 fil-mija qalu li l-Knisja għandha tidħol fil-fond dwar il-kwistjoni tal-kontroll responsabbli tat-twelid. 7.9 fil-mija qalu li t-tagħlim tal-Knisja dwar il-kontroll tat-twelid hu aċċettat mill-Maltin.
Fuq livell personali, 49 fil-mija qalu li huma jaċċettaw li jgħixu skont it-tagħlim tal-Knisja dwar il-kontroll responsabbli tat-twelid, iżda jsibuha diffiċli biex isegwu, u 25.3 fil-mija ma jaqblux mal-Knisja dwar din il-kwistjoni.
Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu l-kwestjonarju (57.7 fil-mija) qalet li l-familja mhux dejjem qed tgħin biex tagħti stampa Nisranija tal-umanita’ u l-vokazzjoni umana.