Il-każ ta’ Cyrus Engerer li ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell, immarka l-iktar punt baxx li waqa fih il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Dan hu ħażin għax il-Prim Ministru qed iħammeġġ lil politika. Il-politika qegħda hemm biex Malta tkun aħjar.
Is-sentenza uriet li ċ-champion tal-Prim Ministru fuq il-persuni gay instab li hu stess rikeb fuq il-preġudizzju ta’ persuna gay. Turi wkoll l-ipokrezija tal-Prim Ministru li fil-każ tal-ex deputat mexxej Labuirista, Anglu Farrugia, talbu jirriżenja wara li dan għamel kritika fuq il-ġudikatura. Imma l-Prim Ministru stess issa ikkritika lil Imħallef u lil Qorti tal-Appell għax ma qabilx mas-sentenza ta’ Cyrus Engerer.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien intervistat minn Mark Anthony Sammut waqt il-programm Il-Fatti Kollha fuq Radio 101.
Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni qed toħroġ bl-ideat u qed tkun kostruttiva u tipproponi liġijiet biex Malta tkun aħjar. Fost dawn hemm l-emenda għall-Cross Border Health Directive. Din il-liġi tgħid li meta xi ħadd ikun fuq waiting list u jkun ilu jistenna għal operazzjoni b’detriment għal saħħtu, minflok wieħed imur fl-Isptar f’Malta, ikun jista’ jmur fi sptar ieħor fl-UE u dan hu dritt li tagħti l-UE. Il-PN qed jgħid li issa meta bniedem ikun stenna ħafna u jkun intitolat li jmur f’pajjiż ieħor tal-UE, ikun jista’ jagħmel operazzjoni fi sptar privat f’Malta stess.
Il-mozzjoni li ressaq il-PN, tnaqqas l-iskariġġ għal pazjenti billi jagħmlu l-operazzjoni fil-privat f’Malta. Din il-proposta intlaqgħet tajjeb mill-pubbliku u dan juri kemm il-PN mill-Oppożizzjoni hu pro-attiv u qed iressaq l-aħjar proposti f’din il-kampanja elettorali.
Proposta oħra tal-PN hu li fil-Kostituzzjoni tiddaħħal emenda biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbilta`. L-NGO’s li jaħdmu f’dan il-qasam laqgħu din il-proposta tajjeb ħafna.
Hu semma l-każ tal-permess għall-iżvilupp fiż-żona Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr li ħarġet il-MEPA u kellha tkun l-Oppożizzjoni li ressqet mozzjoni fil-Parlmanet biex waqqaf il-permess u issa l-art mhix se tinbena u se tkun espropjata.
Simon Busuttil semma wkoll li din il-ġimgħa l-ogħla esponti tal-Gvern fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat inqabdu fi tliet gidbiet. Dan mhux eżempju tajjeb mill-Gvern. Hu qal li l-maskra li poġġa quddiemu Joseph Muscat qabel l-elezzjoni, illum qed taqa`. Jgħidilna Malta tagħna lkoll imma qed issir diskriminazzjoni għax tal-qalba qed ikunu preferuti.
Il-Kap tal-PN qal li dan mhux Gvern mibni fuq il-valuri. F’pajjiż ieħor Prim Ministru li jinqabad f’gibda ikollu jirriżenja. Fakkar li fil-Parlament nhar l-Erbgħa, il-Ministru Owen Bonnici qal li mhux se jiġi ippubblikat il-kuntratt ma’ Henley and Partners minħabba każ fil-Qorti. Imma l-kuntratt ta’ Henley & Parners mhux veru qiegħed il-Qorti.
L-istess gidba irrepetiha l-Prim Ministru Joseph Muscat. Din il-kumpanija li se tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija bi dħul ta’ €200miljun imma l-Gvern ma jridx jippubblika l-kuntratt. F’pajjiżi oħra saru allegazzjonijiet li din il-kumpanija iffinazjat kampanji elettorali ta’ xi partiti. Hu qal li fin-nofs hemm ħabi kbir u fuq kollox il-gidba tal-Prim Ministru u ta’ Ministru.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed tinsisti li dan il-kuntratt ikun ippubblikat mill-iktar fis u talbet ruling tal-Ispeaker u qal li jittama li fir-ruling l-Ispeaker jagħti eżempju tal-importanza tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-Kap tal-PN qal li l-poplu jmur aħjar jekk il-PN itella’ it-tielet siġġu fil-PE għax id-Deputati Nazzjonalisti dejjem ħadmu favur il-pajjiż u dejjem kienu l-vuċi u t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dwar il-kandidatura ta’ Jean Claude Juncker għal Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea qal li dan jaf sewwa lil Malta u hu stess ġej minn pajjiż żgħir daqs Malta u jifhem l-issues ta’ pajjiż żgħir. Hu bniedem konvint favur l-Ewropa. L-istħarriġ juri li bħalissa l-PPE u s-Soċjalisti huma ras imb’ras u dan juri li anke siġġu wieħed jista’ jħoll u jorbot min ikun il-President tal-Kummissjoni Ewropea u għalhekk hu importanti li l-PN itella’ t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>

