Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jġedded l-impenn tiegħu kontra l-Omofobija u t-Transfobija

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Omofobija u t-Transfobija li qiegħed jiġi mfakkar illum, ġedded l-impenn tiegħu kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-emenda Kostituzzjonali sabiex jipproteġi persuni LGBTI minn kull forma ta’ diskriminazzjoni hija l-liġi li qiegħda tagħti saħħa u vuċi lill-persuni LGBTI u rimedju f’każ ta’ diskriminazzjoni.

Dan l-avvanz storiku ġie rikonoxxut mill-kelliema li ħadu sehem fil-konferenza IDAHO 2014 li sar f’Malta. Michael Cashman, MEP u attivist kbir f’dan il-qasam, iddiskriva din l-emenda bħala waħda “kuraġġjuża u ta’ eżempju għal bosta stati oħrajn ferm ikbar minn Malta”.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon ukoll li l-istess Ministru Helena Dalli tirrikonoxxi li dan il-pass huwa storiku wkoll fuq livell internazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li il-leġiżlazzjoni waħedha mhix biżżejjed. Bħala soċjetà rridu naħdmu flimkien sabiex l-omofobija, it-transfobija u kull forma ta’ diskriminazzjoni jiġu eradikati mis-socjetà tagħna darba għal dejjem.