Lokali

Il-Prim Ministru jibqa’ sieket biex jipprova jnessi l-gidba tiegħu

Wara aktar minn 24 siegħa li nqabdu f’gidba dwar il-kuntratt tal-Gvern ma’ Henley & Partners, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja baqgħu b’ħalqhom magħluq biex jipprovaw inessu l-gidba ħoxna tagħhom.

Mhux veru li l-Qorti qalet li l-kuntratt tal-Gvern ma’ Henley & Partners ma jistax jiġi ppubblikat. Din hija gidba li qalu darba darbtejn il-Prim Ministru u l-Ministru Owen Bonnici.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li jekk il-Prim Ministru u l-Gvern m’għandhomx x’jaħbu, allura għandhom jippubblikaw il-kuntratt li għamlu ma’ Henley & Partners minnufih u jieqfu jivvintaw il-gideb bjex jipprovaw jirbħu l-hin sakemm tgħaddi l-elezzjoni, kif qed jagħmlu bil-kuntratt dwar il-power station il-ġdida.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket quddiem provi ċari li jaqbduh fil-gidba tiegħu. Dan l-iskiet li jtarrax iqanqal ħafna mistoqsijiet. Għaliex qiegħed jipproteġi lil Henley & Partners il-Prim Ministru? X’għandu x’jaħbi?

B’riżultat ta’ dan il-kuntratt, Henley & Partners se jdaħħlu aktar minn €200 miljun.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-poplu qed jistenna risposta mill-Prim Ministru, u ma jistax jibqa’ jipprova jaħrab mill-verità.