Lokali

Il-UĦM toġġezzjona dwar iċ-ċaqliq fl-aġenzija Identity Malta

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) qed toġġezzjona għall-mod kif se ssir it-transizzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi fl-aġenzija Identity Malta.

It-Taqsima Servizz Pubbliku tal-UĦM, fi stqarrija, fissret kif ilbieraħ kellha laqgħa dwar il-mod kif dawn il-ħaddiema se jkunu integrati.

Il-UĦM innotat li tali proċess mhux se jsir kif mitlub mil-liġi permezz ta’ detailing mill-ħaddiema eżistenti li jinsabu fid-Dipartiment li se jkunu integrati f’din l-aġenzija. Il-Union fakkret li uffiċjali pubbliċi li ma jkunux detailed għandhom kull dritt li ma jiħdux ordnijiet mingħand persuni fl-amministrazzjoni li m’humiex uffiċjali pubbliċi.
Intant fl-istess laqgħa, l-amministrazzjoni infurmat lill-unions li l-proċess se jsir billi jinħarġu espressjonijiet ta’ interess miftuħin għall-uffiċjali pubbliċi kollha. Il-UĦM saħqet li dan mhux aċċettabbli għax hu nġust mal-ħaddiema preżenti li jixtiequ jkomplu karriera fi ħdan l-aġenzija.

Il-UĦM ipproponiet ukoll biex dawk l-uffiċjali pubbliċi li akkost ta’ kollox ma jridux imorru mal-aġenzija, għandu jintlaħaq qbil dwar kemm għandu jkun il-perijodu li fih jingħataw ir-rilaxx u f’liema perijodu l-Union lesta taċċetta li jingħata l-hand over la darba jkun magħruf meta se jkunu rilaxxati minn ma’ l-aġenzija.

Fi tmiem il-laqgħa, intlaħaq qbil li ssir laqgħa oħra fejn ikunu nvoluti l-Public Administration HR Office (PAHRO) u l-Public Administration Collective Bargaining Unit (PACBU) bl-iskop li jkunu indirizzati l-kwistjonijiet kollha qabel jitkompla l-proċess. Fil-fatt tali proċess se jibqa’ miżmun sakemm ikun hemm aktar negozjati.