L-aħħar ġurnata biex tiġbru d-dokument tal-vot mill-Għassa tal-Pulizija
Minkejja li l-ġurnata proprja tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hija nhar is-Sibt li ġej, l-24 ta’ Mejju, llum, kien hemm min diġa’ beda jitfa’ l-vot tiegħu.
Illum qed jivvotaw dawn l-anzjani li jgħixu fi 23 djar tal-anzjani li għandhom aktar minn 50 resident fihom. Bl-akbar dar tal-anzjani tkun dik ta’ San Vincenz de Paul.
Proprju f’San Vincenz de Paul, ilbierah, il-Partit Laburista kiser jum is-silenzju billi qassam materjal ta’ propoganda tal-kandidati tiegħu, l-aktar tal-eks Mexxej Laburista Alfred Sant.
L-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-ELCOM, għamel protest uffiċjali mal-Kummissjoni Elettorali dwar dan l-abbuż tal-Partit Laburista.
Illum, jivvutaw ukoll dawk li nhar is-Sibt li ġej se jkunu msefrin, dawn jivvutaw fis-sala fejn jingħaddu l-voti n-Naxxar.
Illum ukoll hija l-aħħar ġurnata li matulha, dawk eliġibli biex jivvutaw jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot mill-għasses tal-pulizija, jew f’xi lokalitajiet li ma hemmx għassa, mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali. Wieħed jista’ jiġbor id-dokument tal-vot sal-10 tal-lejla.
Min ma jiġborx id-dokument tal-vot sal-lum, ikun jista’ jiġbru minn nhar it-Tnejn sa’ nhar il-Ħamis mill-uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Sa issa, ma nġabrux 32,000 dokument tal-vot, li jfisser 9 fil-mija. B’kollox, hemm aktar minn 342,000 persuna li huma eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf lil dawk il-persuni li għadhom ma ġabrux id-dokument għall-votazzjoni tagħhom illi jistgħu jiġbruh mill-Uffiċċju Elettorali fil-ħinijiet u ġranet indikati hawn taħt.
Id-dokumenti għall-votazzjoni jridu jinġabru personalment mill-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Misraħ Sant’Iermu, il-Belt Valletta, jew, għall-votanti reġistrati f’Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Il-ġranet u l-ħinijiet li fihom wieħed jista’ jiġbor id-dokument għall-votazzjoni huma kif ġej:
It-Tnejn 19, it-Tlieta 20 u l-Erbgħa 21 ta’ Mejju, 2014: mit-8.00 am sas-2.00 pm u mit-3.00 pm sad-9.00 pm
Il-Ħamis, 22 ta’ Mejju, 2014 (l-aħħar jum): mit-8.00 am sas-2.00 pm u mit-3.00 pm sa nofsillejl
//= $special ?>