Elezzjoni Parlament Ewropew 2014

Proposta oħra konkreta mill-Oppożizzjoni

Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Helga Ellul ressqet propoposta interessanti imsejħa Freeport for Luxury Goods in Malta, li permezz tagħha jistgħu jinħolqu bejn 100 u 150 impjieg fl-industrija tal-loġistika.

Helga Ellul ressqet din il-proposta waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjegat li l-progett, li jista’ jsir b’investiment ta’ 20 miljun ewro, jinkludi il-bini ta’ facilita` li fiha jinħażnu prodotti ta’ valur għoli u jkunu ħielsa mit-taxxi jew mit-tariffi tad-dwana. Dawn il-prodotti jinkludu affarijiet tal-arti, ġojjellerija, affarijiet antiki ta’ valur, djamati, karozzi antiki u anke dokumenti.

Il-faċilita` li tista’ tinbena fl-inħawi ta’ Ħal Safi viċin l-ajruport u vicin il-Park tal-Avjazzjoni, tista’ tinkludi showrooms fejn wieħed jista jbigħ jew jixtri prodotti. Helga Ellul spjegat li dan il-kunċett jeżisti fil-Lussemburgu u qalet li Malta għandha l-ingredjenti kollha biex inizjattiva bħal din tirnexxi. Dan minħabba l-pożizzjoni strateġika, settur tas-servizzi finanzjarji b’saħħtu u servizzi tal-ajru mill-aqwa.

Hi qalet li proġett bħal dan jeħtieg sigurta massima u għalhekk jista’ joħloq impjiegi ta’ valur miżjud. Helga Ellul qalet li proġett bħal dan jiġġenera negozju ieħor fl-ekonomija tal-pajjiż. Jeħtieg ukoll liġijiet li jagħmlu lil Malta post attrajenti għal dan l-investiment.

Helga Ellul qalet li hi diġa’ iltaqgħet ma investituri interessati f’dan il-proġett, fosthom investituri mill-Lvant Nofsani. Imma l-Gvern jista jagħżel li joħrog sejħa għal offerti biex anke investituri Maltin ikunu jistgħu iressqu l-proposti tagħhom.

Hi spjegat li l-Gvern ikun irid biss jipprovdi l-art fejn issir din il-facilita`u diga’ kitbet lil Prim Ministru u lil Ministru għall-Ekonomija biex ikollha laqgħa magħhom ħalli tkun tista’ tagħti iktar informazzjoni.