Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi flimkien mad-Dar tal-Providenza, mal-bdiewa, mar-residenti u anke flimkien mal-NGOs Ramblers Association u Flimkien għal Ambjent Aħjar, huma kontra li nhar il-Ħamis li ġej, l-MEPA tapprova l-permess biex fiż-żona tad-dikkiena fis-Siġġiewi, jinbena razzett tat-tiġieġ.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet s-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina, spjega kif jekk jinbena dan ir-razzett tat-tiġieġ, iż-żona tal-madwar se tkun affetwata b’mod ħazin ħafna, minbarra l-fatt li l-Kunsill Lokali fl-ebda stadju ma kien infurmat b’dan kollu.
Karol Aquilina sostna li b’dan ir-razzett, fuq żona ta’ ħamest itmiem u nofs, li jikkonsisti f’erbgħa tined għolja ħames metri, bini ieħor għoli żewġ sulari u anke demmiela kbira, se jkun hemm riħa qawwija li tasal saħansitra sad-Dar tal-Providenza, minbarra l-fatt li f’din iż-żona jgħaddi ħafna ilma u jista’ jkun hemm riskju li l-ilma jiġi kkontaminat.
Karol Aquilina spjega kif skont ir-regoli tal-MEPA, wieħed jista’ jitfa’ l-applikazzjoni tiegħu biex ikabbar in-negozju dejjem jekk iż-żona minn fejn diga’ jaħdem ma tistax tiġi aktar żviluppata, kif jista’ jagħmel l-applikant minflok iħarbat żoni oħra.
Minn naħa tiegħu Fr. Martin Micallef li jmexxi d-Dar tal-Providenza għamel l-appell tiegħu biex dan il-proġett ma jkunx approvat għal ġid tar-residenti tad-Dar li l-aktar li se jkunu affetwati.
Karol Aquilina kompla jispjega kif l-applikant lanqas biss ippreżenta ritratti ta’ kif se jidher il-progett. U din hi prova cara tal-impatt viżwali ħazin tal-proġett, kompla jgħid Aquilina.
Minn naħa tagħhom, iż-żewġ għaqdiet ambjentali, ir-‘Ramblers Association’ u ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ staqsew kemm hu vijabbli li l-pajjiz ikompli jitlef minn żoni miftuħa bħal dawn biex l-applikant iżid mal-hdax-il elf tiġieġa, meta hemm irzizet oħrajn fejn il-proġett jista’ jsir.
Minbarra l-fatt li jekk il-proġett jkun approvat, se jinkisru numru kbir ta’ policies tal-MEPA stess.
Karol Aquilina temm jgħid li minn naħa tiegħu, bħala Kunsill Lokali, se jagħmel minn kollox biex dan il-każ ikun investigat.
//= $special ?>