Sport Waterpolo

Sliema Champions tax-Xitwa għat-tmien darba

Sliema Frank Salt………….9
Neptunes Emirates………..7
(2-2),(2-1),(3-1),(2-3)

Sliema Frank Salt rebħu t-tmien kampjonat tax-Xitwa b’punti massimi meta fil-partita li għalqet il-kampjonat għelbu lil Neptunes Emirates 9-7 biex rebħu t-tmien kampjonat u laħqu lill-istess Neptunes. Qabel din il-partita ż-żewġ timijiet kienu rebħu l-logħbiet tagħhom u kellhom l-istess differenza ta’ gowls u dan hu sinjal ċar li dawn iż-żewġ timijiet għadhom l-aqwa fil-waterpolo lokali. Għal Neptunes irritorna Steve Camilleri li iżda kellu partita ftit kwieta speċjalment wara li kellu staġun iebes fl-Italja. Fuq il-bank ukoll kien hemm il-kowċ Russu Sergei Markoch.

L-ewwel sessjoni wriet l-importanza tal-partita meta spiċċat 2-2. Timmy Agius poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ iżda żewġ gowls malajr ta’ Brownrigg u Lubrano dawru l-iskor sakemm Clint Mercieca għamel l-iskor indaqs lejn tmiem is-sessjoni. Sliema ħadu vantaġġ ta’ gowl fit-tieni sessjoni meta Brownrigg skorja t-tieni gowl personali. Neptunes ħadu vantaġġ minn sitwazzjoni ta’ man-up biex għamlu l-iskor indaqs minn Jordan Camilleri iżda ftit wara Meli poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ sal-mistrieħ.

Sliema ħarġu tajjeb fit-tielet sessjoni u kabbru l-vantaġġ fl-ewwel attakk tagħhom minn Jurgen Borg. Zarb Cousin naqqas il-marġni iżda Sliema skorjaw tnejn mingħajr risposta f’temp ta’ minuta biex għamlu l-iskor 7-4. Fl-aħħar sessjoni Neptunes pruvaw jirkupraw u saħansitra naqqsu l-marġni għal żewġ gowls sa nofs is-sessjoni. Iżda Brownrigg għalaq il-partita biex sa tmiem kien biss gowl ta’ Lanzon li naqqas il-marġni biex Sliema rebħu l-partita 9-7.
Fi tmiem il-partita il-kaptin John Soler ġie preżentat bi trofew ta’ Champions.

Neptunes; A. Borg Cole, N. Lanzon (2), G. Mizzi,M. Stellini (1), T. Agius (1), M. Lanzon, S. Camilleri, J. Camilleri (1), A. Zarb Cousin (1), L. Gialanze, K. Debattista, S. Xerri de Caro, C. Mercieca (1), B. Dougall

Sliema; R. Coleiro, J. Gabarretta (1), N. Lubrano (2), T. Sullivan, M. Meli (1), J. Soler, J. Borg (1), C. Cluett (1), J. Brownrigg (3), A. Attard, A. Agius, N. Bugelli, K. Schembri
Referees; Massimo Angileri, Peter Balzan