“L-għaqdiet mhux governattivi għandhom jiksbu rikonoxximent taħt kull amministrazzjoni u għandhom ikunu megħuna iżjed biex jahħdmu aktar b’mod strutturat. Ebda gvern m’għandu jwarrab ir-rabtiet tiegħu mal-NGOs.” – Therese Comodini Cachia, kandidata f’isem il-Partit Nazzjonalista ghall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Dan qalitu f’laqgħa li kellha ma’ rappreżentanti minn erba’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Lukanda Corinthia, H’Attard is-Sibt wara nofsinhar.
Therese Comodini Cachia sahqet li l-NGOs għandhom ikunu elevati għal-livell semi-professjonali filwaqt li qalet li l-volontarjat jirrikjedi ħafna dedikazzjoni u ħidma sfiqa lejn il-kawza soċjali partikulari.
Il-kandidata f’isem il-PN ghall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew sostniet li għandu jinbena kuntatt bejn l-NGOs u l-Ewro Parlamentari Maltin sabiex ir-realtajiet socjali f’pajjizna jkunu magħrufa iżjed u jingħataw l-għajnuna meħtiega anki fuq livell Ewropew.
Therese Comodini Cachia żiedet li ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem dwar id-drittijiet tal-bniedem u sostniet li trid tifhem aktar l-aspettattivi u l-weġgħat tal-NGOs sabiex, jekk tkun eletta, tkun tista’ tirraprezentahom fl-Ewropa.
Philip Chircop, għan-nom tal-għaqda Nanniet Malta, stqarr fost oħrajn li jkun ghħaqli li l-NGOs ikunu affiljati ma’ xi qafas Ewropew. Hu qal li x-xewqa ta’ min hu midħla tal-volontarjat hi li l-Ewro Parlamentari Maltin ikunu eqreb tagħhom.
Marica Mizzi, f’isem Caritas Malta, irreferiet għad-dibattitu li tqajjem dwar id-dekriminalizzazzjoni tad-droga u fissret kif il-Caritas qed tara madwar 700 klijent li kien jabbuza mid-droga kull sena. Hi qalet li għandu jkun hemm iktar għarfien dwar is-sabiħ tal-ħajja u ma jissemmgħux biss il-weġgħat fis-soċjeta’.
John Fenech, min-Noise Abatement Society of Malta, saħaq li għandu jkun hemm iżjed għarfien dwar il-problema tal-istorbju u l-ħsejjes żejda fil-ħajja ta’ kuljum.
Marquita Mangiafico, mill-Għaqda Ġenituri Persuni B’Diżabbilta’ qalet li għandu jkunu hemm xi forma ta’ mekkanizmu jew linji gwida dwar kif jimxu l-għaqdiet volontarji. Hi saħqet dwar l-importanza tat-taħrig li għandu jingħata lill-voluntieri kif ukoll dwar l-appoġġ finanzjarju biex l-NGOs ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem.
//= $special ?>