Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Appell biex nhar is-Sibt jintbgħat messaġġ

Matul il-Festa Familja organizzata mill-Partit Nazzjonalista, f’Ta’ Qali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil beda id-diskors billi rringrazzja lin-nies tal-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.

Hu rringrazzja lill-kandidati kollha u lin-nies li matul l-aħħar xhur ħadmu għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. Hu fakkar li sena ilu biss, il-Partit Nazzjonalista sofra telfa storika imma f’sena ħadem biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jqum fuq saqajh u jkun Oppożizzjoni kostruttiva u effettiva.

Simon Busuttil fakkar li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta proposti biex jinħolqu aktar impjiegi fid-digital gaming. Proposti oħra kienu biex tinbidel il-Kostituzzjoni biex issir illegali d-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità, biex jingħata dritt fundamentali għall-aċċess għall-internet u biex ma ssirx diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Proposta oħra fl-aħħar jiem mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet li min idum fuq waiting list jkun jista’ jagħmel operazzjoni fi sptar privat jew isiefer biex jagħmel l-operazzjoni barra minn Malta.

Simon Busuttil fakkar li l-Prim Ministru ma rnexxilux jinnegozja tajjeb mal-Unjoni Ewropea u fakkar li minħabba dan se jitnaqqsu l-inċentivi finanzjarji għall-industrija. Fakkar ukoll li rapport tal-Unjoni Ewropea dwar Għawdex juri li l-Partit Nazzjonalista ġab għal Għawdex id-doppji ta’ fondi minn dawk mbassra mill-Unjoni Ewropea fdan ir-rapport. Hu qal li n-nies qed jaraw li l-Gvern mhux vera kellu roadmap.

Simon Busuttil qal li n-nies huma diżappuntanti li l-Gvern qed jagħti Garanzija ta’ Qgħad flok Garanzija ta’ Xogħol, mhux qed iwassal l-mediċini fid-dar tan-nies u li qed jagħti promozzjonijiet lil tal-qalba.

Fakkar li fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru u Ministru inqabdu f’gidba meta qalu li l-Gvern mhux se jippublika l-kuntratt ma’ Henley & Partners għax huwa miżmum mill-Qorti. Irrefera wkoll għall-każ ta’ Cyrus Engerer li ntlaqa’ bħala l-eroj u suldat tal-azzar mill-Prim Ministru u għall-billboards illegali li qed jintużaw mill-Gvern u l-Partit Laburista.

Simon Busuttil temm id-diskors billi appella biex n-nies tivvota nhar is-Sibt li ġej lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet, Beppe Fenech u Mario de Marco, is-Segretarju Ġenerali, Chris Said, il-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech, il-President tal-Kunsill Ġenerali, Paula Mifsud Bonnici u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Qabel id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mad-diversi familji li attendew l-attività f’Ta’ Qali.