Il-Pulizija li qed jinvestigaw it-traġedja fil-minjiera tal-faħam ta’ Soma arrestaw talanqas sittax il-persuna, fosthom eżekuttivi tal-kumpannija li qed tmexxi l-istess minjiera li kellha ġġarrab l-agħar diżastru li qatt seħħ f’dan il-qasam.
Intant, il-poplu tat-Turkija għadu mgħaddab dwar ‘iċ-ċirkostanzi’ li wasslu għat-traġedja ta’ nhar it-Tlieta, fejn splużjoni taħt l-art kienet ferrxet il-gassijiet velenużi madwar il-minjiera u f’ħin meta mas-787 minatur kienu fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-ħidma biex jirkupraw il-katavri mill-inħawi intemmet nhar is-Sibt u wara li l-awtoritajiet irkupraw l-aħħar żewġ vittmi tal-isplużjoni li swiet il-ħajja ta’ 301 ħaddiema.
Il-protesti kontra Soma Holdings – il-kumpannija li hi responsabbli mill-minjiera – ilhom għaddejjin minn wara l-isplużjoni, iżda r-rappreżentanti ta’ din l-entita u l-kelliema għall-Gvern Tork qegħdin jiċħdu li l-imwiet tal-ħaddiema setgħu kienu dovuti għal xi negliġenza min-naħa tagħhom.
Il-Prim Ministru Tork, Recep Tayyip Erdodogan, qed ikun ikkritikat wara li deher ‘insensittiv’ fil-mod kif irreaġġixxa għal dan id-diżastru. Il-pressjoni fuq Erdogan anki żdiedet wara li ħarġu fil-pubbliku ritratti li juru lill-Prim Ministru Tork u wieħed mill-uffiċjali ewlenin tiegħu qegħdin ‘jaggredixxu’ lil xi dimostranti f’Soma.
Fi tmiem il-ġimgħa, l-pulizija fl-inħawi ta’ Soma waqqfu ċ-checkpoints u arrestaw numru ta’ nies waqt li infurzaw il-miżuri li jipprojbixxu l-protesti – bis-sigurta f’din il-belt tibqa’ ferm intensiva.
//= $special ?>