Futbol Sport

Arsenal jegħlbu lil Hull City fil-ħin barrani

Aaron Ramsey spiċċa l-eroj ta’ Arsenal li lbieraħ għelbu l-isfida denja ta’ Hull City fil-finali tal-FA Cup li ntlagħbet f’Wembley Stadium u meta l-unur hu anki l-ewwel wieħed għall-Gunners wara nixfa ta’ disa’ staġuni.

Il-goal ta’ Ramsey, li wasal fit-tieni taqsima tal-ħin barrani, ikkonkluda rimonta impressjonanti ta’ Arsenal li kienu sabu ruħhom fi żvantaġġ doppju wara biss tmien minuti tal-konfront ma’ Hull, li min-naħa tagħhom kienu qed jilgħabu għall-ewwel darba fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Qabel dan is-suċċess, l-aħħar unur li rebħu Arsenal kien proprju l-FA Cup, fl-istaġun 2005, u fejn huma kienu għelbu lil Manchester United wara l-għoti tal-penalties.

Intant, il-Gunners, din is-sena, eliminaw lill-holders tat-tazza, Wigan Athletic, fis-semi-finali u għalkemm huma onoraw il-pronostiku tal-bookmakers bħala l-favoriti netti, hu minnu li Hull (li kienu eliminaw lil Sheffield United fit-tieni semi-finali) żammew il-kolp mal-avversarji ferm aktar ikkwotati u waslu qrib ta’ sorpriża storika – anki jekk fl-aħħarnett kellhom iħallsu l-prezz għan-nuqqas ta’ esperjenza f’dan il-livell.

Hull City kienu jilgħabu fir-raba’ diviżjoni antika daqs għaxar snin ilu u f’dan l-istaġun huma spiċċaw fis-sittax-il post tal-Premier League, proprju 42 punt taħt il-Gunners li ġew ir-raba’ fil-klassifika.

Madankollu, d-distakk bejn iż-żewġ klabbs xejn ma deher evidenti fl-ewwel għaxar minuti, bit-Tigers joħorġu bi grinta kbira għal goal kmieni u li wasal wara biss tliet minuti, meta James Chester sab ir-rokna tax-xibka fuq assist ta’ Tom Huddlestone u wara azzjoni ta’ korner.

Il-goal ħasad lil Arsenal, iżda l-inkredibbli kien għadu ġej, b’Hull jinsistu fuq l-attakk u b’Alex Bruce jolqot sieq il-lasta b’daqqa ta’ ras, fejn Curtis Davis kien fil-post eżatt biex ifajjar xutt fil-baxx li reġa ma tax ċans lill-goalkeeper Lukasz Fabianski.

Il-Gunners ippruvaw iwettqu reazzjoni u daħlu fil-logħba għaxar minuti wara, meta Bruce ikkommetta foul fuq Mesut Osil u Santi Cazorla skorja ġmiel ta’ freekick minn barra l-kaxxa biex inaqqas l-iżvantaġġ; bl-iskor jibqa’ 1-2 sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, Arsenal bdew jieħdu r-riedni tal-logħba iżda sabu d-difiża tat-Tigers ferm kompatta u fejn l-Eġizzjan Ahmed Elmohamady kien qed ikollu logħba eċċellenti.

Madankollu, l-isforzi tal-Gunners għall-parita kienu ppremjati fil-71 minuta, meta sfurzaw corner u mill-azzjoni sussegwenti Bacary Sagna kompla bir-ras għal ġol-kaxxa u fejn Laurent Koscielny kien pront biex jegħleb lil Allan McGregor mill-viċin.

Arsenal, imbagħad, fallew il-vantaġġ meta Kieran Gibbs spara banalment għoli wara li spiċċa waħdu quddiem McGregor waqt azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Hull u bis-sostitut Yaya Sanogo jerġa’ jmur qrib għall-Gunners fl-aħħar sekondi tal-ħin regolamentari.

Intant, il-mument tad-destin għal Arsenal kellu jasal fl-extra-time, fejn huma ddominaw għal kollox lil Hull, li l-players tagħhom dehru wisq għajjenin u ħsiebhom biss li jixħtu kollox fuq id-difiża bl-iskop li jippruvaw għal-lotterija tal-penalties.

Dan il-pjan, fil-fatt, sfuma meta fil-109 minuta – u wara pressjoni kontinwa fuq il-lasta ta’ McGregor – Olivier Giroud qarraq bid-difiża ta’ Hull u għadda l-ballun lil Ramsey li skorja t-tielet goal deċiżiv b’first timer preċiż u fost il-ferħ tal-Gunners u l-manager, Arsene Wenger.