Futbol Sport

Atletico ċampjins

Atletico Madrid rebħu l-kampjonat Spanjol meta fl-aħħar logħba deċiżiva ħadu l-punt li kellhom bżonn fil-Camp Nou kontra Barcelona. Bis-saħħa ta’ dan il-punt it-tim immexxi minn Diego Simeone rebaħ it titlu ta’ ċampjins ta’ Spanja għall-għaxar darba fl-istorja, u għall-ewwel darba wara nuqqas ta’ tmintax-il sena bl-aħħar titlu mirbuħ minn Atletico jkun fl-1996. Dan kien ukoll l-ewwel titlu mhux mirbuħ minn Barcelona jew Real Madrid fl-aħħar għaxar snin bl-aħħar suċċess ikun ta’ Valencia fl-2004.

Il-bidu ma kienx faċli għal Atletico li fl-ewwel 22 minuta tilfu lil Diego Costa u Arda Turan li kellhom jinbidlu, u fl-34 minuta Barcelona fetħu l-iskor meta l-ex plejer ta’ Udinese Alexis Sanchez spara fix-xibka minn qagħda angolata.

Minkejja dan Atletico kisbu l-gowl tad-draw erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima meta Diego Godin skorja b’daqqa ta’ ras stupenda wara azzjoni ta’ korner. Atletico Madrid ikkontrollaw il-logħba sat-tmiem biex aċċertaw mit-titlu, sebat ijiem qabel appuntament ieħor ferm importanti, meta f’Lisbona jiltaqgħu kontra Real Madrid fil-finali tal-UEFA Champions League.