Lokali Saħħa

Bidla fil-prattiċi meta jmutu pazjenti fil-kurituri

L-istorja li żvela il-mument tliet ġimgħat ilu dwar kif il-Gvern kien ħeba mwiet ta’ pazjenti fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei waslet biex il-Gvern stess jitlob lit-tmexxija tal-isptar tfassal prattiċi ġodda f’każi ta’ pazjenti li jkunu mietu fil-kurituri ta’ Mater Dei fejn għadha tippersisti l-problema tal-iffullar tal-pazjenti.

Il-konferma li fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei mietu pazjenti ta l-Gvern Laburista stess b’deċiżjoni li kienet ikkomunikata lill-management tal-Isptar Mater Dei, minnufih li il-mument żvela li l-Gvern ħeba mwiet ta’ pazjenti fil-kurituri fil-ħarġa tas-27 ta’ April li għadda.

Chris Fearne, is-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Enerġija ta direttiva lill-management tal-isptar biex jaħdem fuq policy ġdida ħalli jinbidlu l-prattiċi ta’ tkeffin ta’ pazjenti li jmutu fil-kurituti tal-Isptar Mater Dei.

Sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com tennew li fil-każ ta’ mewt ta’ pazjenti fil-kurituri kien ikun segwit l-istess proċess li kien isir fis-swali jiġifieri li t-tkeffin tal-pazjent isir mill-qraba tiegħu jew tagħha bl-għajnuna tal-infermiera, u wara l-katavru jitniżżel fil-kamra mortwarja. Hekk kif beda jiżdied l-iffullar fl-Isptar Mater Dei, b’konsegwenza li l-pazjenti tilfu għal kollox il-privatezza tagħhom, l-infermiera oġġezzjonaw għal din il-prattika, tant li kif żvelajna tliet ġimgħat ilu, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN ħarġet direttiva biex l-infermiera ma jkeffnux pazjenti li jkunu mietu fil-kurituri. Minkejja din id-direttiva, jidher li ma kienx hemm prattiċi ċari dwar il-proċess li kellu jintuża fl-isptar hekk kif pazjent imut fil-kuritur.

Tant hu hekk, li hekk kif il-mument żvela l-istorja li l-Gvern ħeba mwiet ta’ pazjenti fil-kurituri, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ikkomunika mal-management tal-isptar biex jinbidlu l-prattiċi f’każi bħal dawn. Dan kollu jikkontradixxi dak li qal l-istess Segretarju Parlamentari kif ikkwotat mill-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni meta qal li ma kienx hemm imwiet ta’ pazjenti fil-kurituri tal-isptar.

maltarightnow.com għandu informazzjoni li l-prattika li se tintuża hija l-istess meta pazjenti jmutu fis-swali tal-emerġenza jew fit-teatri tal-operazzjonijiet. Sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalu li f’dawn il-każi, hekk kif imut pazjent, dan jiġi ċertifikat mit-tabib, il-katavru tal-pazjent jitgħatta, u jintniżżel fil-kamra mortwarja, fejn imbagħad isir it-tkeffin.