Lokali

Eks kunsillier Laburista jerġa’ jiddaħħal mal-Pulizija u jaqbeż żewġ Maġġuri u jintbagħat Għawdex

Wieħed minn dawk il-Pulizija li reġgħu ddaħħlu fil-Korp tal-Pulizija aktar kmieni din il-ġimgħa huwa eks kunsillier tal-Partit Laburista, li malli ddaħħal lura fil-Korp qabeż żewġ Maġġuri Għawdxin li ilhom numru ta’ snin Malta, u ntbagħat Għawdex.

Dan l-istess Maġġur, ta’ sikwit, ikun fuq il-bank tas-sostituti tal-tim tal-futbol ta’ Sannat Lions bħala uffiċjal ta’ dan l-istess klabb. Dwar din l-informazzjoni u jekk jistax membru fil-Korp tal-Pulizija jokkupa dawn ir-rwoli fi klabbs tal-futbol, maltarightnow.com bagħat il-mistoqsijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit. maltarightnow.com għamlet b’kollox ħames mistoqsijiet differenti lill-Kummissarju tal-Pulizija, iżda l-uniku tweġiba kienet li l-esiġenzi tas-servizz kienu jinħtieġu li jsir dan l-arranġament.

maltarightnow.com staqsa min hu responsabbli u ta’ min tkun l-aħħar kelma biex uffiċjal tal-Pulizija jiġi trasferit minn post għall-ieħor iżda ma ngħatat ebda tweġiba għal dawn.
Fl-aħħar jiem, il-Korp tal-Pulizija għadda minn taqlib kbir, hekk kif minbarra li ddaħħlu fil-Korp numru ta’ Pulizija antiki, fid-dawl tal-kriżi tar-riżorsi umani li teżisti, ġew ordnati numru ta’ transfers ftit jiem biss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Madanakollu, filwaqt li xi persuni marru tajjeb b’dawn it-transfers, oħrajn spiċċaw ġew trasferiti aktar minn darba. Fost l-oħrajn, kien hemm Maġġur li ngħata żewġ transfers f’inqas minn tmien sigħatġ l-ewwel wieħed minn Malta lejn Għawdex, u ftit wara, minn Għawdex lura lejn Malta. maltarightnow.com staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija min ta l-ordni għal dawn it-transfers u x’kienet ir-raġuni, iżda bqajna bla tweġiba.

Fost l-oħrajn, f’dawn it-transfers ma ntużatx il-proċedura tas-soltu, fejn il-Maġġuri li jintbagħtu Għawdex, jintbagħtu skont kif imisshom, iżda kien hemm żewġ Maġġuri li ma kienux is-seniors u ntbagħtu huma f’Għawdex.

Każ ieħor kien jinvolvi pulizija li ngħata erba’ transfers f’anqas minn ġimgħa. Din il-Maġġur l-ewwel ingħatat transfer mis-sezzjoni tat-traffiku għall-Għassa taż-Żejtun. Nofs siegħa wara ġiet infurmata li t-transfer tagħha ġie miżmum. Fil-jumejn ta’ wara, reġgħet irrappurtat għax-xogħol fis-sezzjoni tat-traffiku. Iżda mbagħad ngħatat transfer għall-għassa ta’ San Ġiljan, u l-għada ntbagħtet l-għassa tal-Ħamrun.