Internazzjonali

‘Eqreb lejn l-abbiss’ bil-kriżi tiħrax

L-aħħar indikazzjonijiet huma li l-Ukrajna ‘qed tavviċina l-abbiss’ fost l-inċidenti regolari bejn il-qawwiet tas-sigurta Ukreni u s-separatisti armati li jappoġġjaw ir-Russja.

Filwaqt li l-Ukrajna qed tħejji biex teleġġi President ġdid fil-25 ta’ Mejju, l-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet Umani, Ivan Simonovic, qal li l-kriżi fiha l-elementi simili għall-gwerra tal-Kroazja tas-snin disgħin. Simonovic, ta’ nisel Kroat, kompla li s-sitwazzjoni tal-Ukrajna tista’ ssir inkontrollabbli jekk ma titteħidx azzjoni xierqa u urġenti.

In-NU iddokumenta ħafna inċidenti ta’ qtil, tortura u ħtif ta’ persuni fiz-zoni Ukreni tal-Lvant u n-Nofsinhar u meta s-separatisti jaħtu għall-parti kbira ta’ dawn l-atroċitajiet.

Komplew, intant, il-konfronti bejn il-qawwiet tal-Gvern u l-militanti separatisti fiz-zoni tal-Ukrajna lejn il-Lvant – bl-istess militanti jattakkaw kamp militari qrib ta’ Izyum, fir-reġjun ta’ Kharkiv u numru ta’ checkpoints viċin Sloviansk, fir-reġjun ta’ Donetsk.

Fi tmiem il-ġimgħa, s-separatisti ħatru lil Alexandr Borodai bħala ‘Prim Ministru’ ta’ Dontesk li llum qed jirreferu għalih bħala ‘Repubblika tal-Poplu’ Intant, Borodai qed jgħid ukoll li r-‘Repubblika’ għandha tapplika biex tibda tifforma parti mir-Russja.

Fil-Krimea, numru ta’ helicopters militari niżlu fil-baxx waqt li folol ta’ Tatari kienu qed jattendu r-rallies li fakkru s-sebgħin anniversarju tad-deportazzjonijiet tal-massa (fil-penisola) li kienu twettqu taħt il-ħakma ripressiva tal-eks-Mexxej Sovjetiku Josef Stalin.

Dan deher bħala attentat mit-Tmexxija ġdida tal-Krimea – eks-penisola tal-Ukrajna li f’Marzu ingħaqdet mar-Russja – biex tintimida lin-nies u meta l-ħsejjes tal-helicopters ma ppermettewx li n-nies jisimgħu d-diskorsi tal-Kapijiet tat-Tatari. Il-maġġoranza tat-Tatari fil-Krimea kienu opponew għall-aħħar referendum polemikuż dwar l-istatus tal-penisola u fejn għamluha ċara li riedu jkomplu fi ħdan l-Ukrajna.