Il-Malta Horticultural Society qed tippreżenta l-111-il wirja l-kbira tar-Rebbiegħa fil-Ġonna ta’ San Anton.
F’din il-wirja, li hi miftuħa wkoll il-Ħadd, wieħed jista’ japprezza l-ġmiel tal-fjuri kif ukoll it-tjubija tal-frott u l-prodotti agrikoli ġenwini Maltin.
Fil-wirja l-pubbliku għandu opportunità japprezza diversi arranġamenti tal-fjuri li saru b’dedikazzjoni, bi kreattività kbira u b’passjoni liema bħalha mill-membri tas-soċjetà.
Il-mistiedna speċjali għall-edizzjoni ta’ din is-sena hi l-Professur Riho Miyamoto, esperta Ġappuniża dwar il-fjuri li tispeċjalizza fl-Ikebana – jew aħjar l-arti Ġappuniża fl-arranġament tal-fjuri.
Il-wirja tinkludi wkoll diversi prodotti tal-ikel, esebiti fil-vażetti u fil-fliexken, bħalma huma l-għasel u ż-żejt taż-żebbuġa. Ma jonqosx ukoll numru ta’ xogħolijiet tal-artiġjanat, b’membri tas-soċjetà jaħdmu dawn is-snajja’ u fl-istess ħin ifehemu lin-nies dwar l-għamla tagħhom.
Interessanti kienet mejda armata b’diversi pupi tal-porċellana maħdumin lokalment minn artista Maltija li tgħallmet it-teknika minn kumpanija Amerikana, imbagħad spiċċat biex applikata hi stess.
Ittella’ wkoll programm ta’ divertiment, fosthom l-involviment ta’ skejjel taż-żfin u tal-mużika.
Il-Wirja Kbira tar-Rebbiegħa, hi ċelebrazzjoni vera tan-natura, tal-ilwien sbieħ u tal-ħajja. Il-qofol ta’ din il-wirja se jintlaħaq il-Ħadd filgħaxija biċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet.
//= $special ?>