Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Festa għall-familja f’Ta’ Qali

Il-familja dejjem għandha tibqa’ fiċ-ċentru tal-politika f’pajjiżna u b’dan il-ħsieb, kif fisser il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt ‘Festa Familja’ f’Ta’ Qali, bħala Partit qiegħed ikompli jorganizza attivitajiet fejn tingħaqad il-familja.

L-avveniment tal-Ħadd waranofsinhar kien mimli attivitajiet għall-familji grazzi għall-attività ‘Festa Familja’, organizzata mill-Partit Nazzjonalista. Attività li matulha l-familji kellhom l-opportunità jiltaqgħu mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u mal-kandidati kollha tal-partit għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ nhar is-Sibt.

Din l-attività fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, żgur li ma kienet nieqsa minn xejn, l-aktar mill-aspett ta’ divertiment u anke ta’ rilassament anke għaliex illum il-ġurnata ma sarx daqshekk faċli biex niddedikaw ħin kif jixraq għal mal-familja, kif spjegaw uħud minn dawk li attendew għal ‘Festa Familja’.

Matul l-attività li bdiet għall-ħabta tas-2pm, tkellmu wkoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-kandidat Għawdxi, Kevin Cutajar spjega kif il-politika jekk ngħarfu kif nużawha, tista’ tgħinna niżviluppaw aktar ġid. Jonathan Shaw tkellem dwar kif il-politika tista’ tgħinek tagħraf x’għandhom bżonn in-nies u mhux tidħol fil-politika għall-vantaġġ personali nkella ma tasal imkien.

Francis Zammit Dimech qal li l-Parlament Ewropew huwa l-Parlament tal-poplu daqs kemm hu l-Parlament ta’ Malta. Minn naħa tiegħu, Ray Buġeja fisser li dawn l-aħħar xhur kienu mixja ta’ tim formidabbli bl-għan aħħari tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista hu li jwassal il-partit lejn it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.

Helga Ellul tkellmet dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tieħu inizjattivi differenti biex jinħolqu aktar impjiegi u qalet li temmen li permezz tal-esperjenza tagħha tista’ tgħin lil Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea biex tilħaq dan l-għan, speċjalment fid-dawl tal-fatt li f’Malta l-qgħad qed jiżdied. Norman Vella saħaq li kampanja bħalma hi għall-Parlament Ewropew tgħinek tifhem kemm bħala politiku n-nies kapaċi jemmnu fik.

Il-kandidat Stefano Mallia qal li l-Membri tal-Parlament Ewropew iridu jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni, inkella posthom ikun irrelevanti. Tkellmet wkoll il-kandidata Therese Comodini Cachia, li spjegat kif jekk tkun eletta tixtieq taħdem fuq oqsma fejn jidħlu d-drittijiet għal persuni vulnerabbli fis-soċjetà bħalma huma persuni b’diżabilità, l-anzjani, it-tfal u x-xogħol għaż-żgħażagħ li sar sfida kbira għall-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.

Minn naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Ewropew u kandidata għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, Roberta Metsola, saħqet li jekk tkun eletta hi se tkompli tirrappreżenta lill-poplu kif għamlet bħala MEP, bħalma għamlet fil-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Kwistjoni li Metsola flimkien mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, ġġieldu biex l-identità ta’ pajjiżna ma tkunx għall-bejgħ.

Minn naħa tiegħu David Casa għamel referenza għat-tim ta’ kandidati li minkejja li ġejjin minn oqsma differenti, huwa tim magħqud bħall-bqija tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Wara l-intervisti mal-kandidati tkellem il-Kap Simon Busuttil li ltaqa’ u tkellem man-nies preżenti.