Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-Prim Ministru jaħbi deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li se taffetwa l-industrija

F’attività politika fir-Rabat, Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil tkellem dwar kif il-poplu Malti hu diżappuntat bil-wegħdi miksura u l-ħabi mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu żvela deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li Malta se jkollha tnaqqas l-inċentivi finanzjarji għall-industrija u sostna li din hija deċiżjoni li l-Prim Ministru żamm moħbija mill-poplu Malti u Għawdxi.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-ambjent ta’ inċertezza u qgħad li ħoloq Joseph Muscat f’sena. Sostna li Gvern Laburista żied il-qgħad fost iż-żgħażagħ minflok tagħhom il-garanzija ta’ xogħol li wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali. Il-qgħad f’Għawdex, sostna Simon Busuttil żdied b’6% u tenna li l-ideat tal-Gvern għal Għawdex kien li joħloq korp Sebbaħ u Ħaddar. Staqsa jekk din hix il-viżjoni tal-Gvern biex joħloq xogħol f’Għawdex u għal Għawdxin. Simon Busuttil irrefera għar-rapport li l-Prim Ministru kien tkellem dwaru u li kien allega li juri kif Malta ma ħadmitx biżżejjed biex tikseb il-fondi għal Għawdex. Iżda meta wieħed jistudja dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, li tlesta f’Ottubru 2012, joħroġ b’mod ċar kemm il-Gvern Malti fil-fatt kiseb riżultati pożittivi għal Għawdex. Dan għaliex filwaqt li r-rapport jgħid li Għawdex jisħoqqilha tingħata €56 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea sal-2020, il-Gvern Malti f’Jannar 2013 irnexxielu jikseb €112-il miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea għal Malta, id-doppju ta’ dak li jgħid ir-rapport. Niżżel kopja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ dan il-link: http://bit.ly/S6LxCG

Dwar is-saħħa, Simon Busuttil qal li Gvern Laburista mhux talli ma wassalx il-mediċini d-dar talli qed jagħtihom lil tal-qalba. Hu sejjaħ din il-prattika ta’ diskriminazzjoni bejn il-pazjenti bħala skandlu.
Hu rrefera għall-ispiżjara li b’kuraġġ kbir tkellmet dwar din id-diskriminazzjoni fost il-pazjenti. Simon Busuttil tkellem dwar l-inċertezza, it-tbatija u umiljazzjoni ta’ persuni fis-settur pubbliku li qed jingħataw transfers jew li qed ibagħtu minħabba l-kulur politiku tagħhom jew għax ma jkunux biżżejjed minn tal-qalba.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li n-nies huma l-aktar diżappuntati li bejn is-sewwa u l-ħażin, il-Prim Ministru konsistentament jagħżel dak li hu ħażin. Hu tenna li aktar u aktar nies issa qed jifhmu u japprezzaw il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil tkellem dwar in-nuqqas ta’ viżjoni ta’ Joseph Muscat għal Għawdex. Tenna li filwaqt li Gvern Laburista m’għamel l-ebda proġett ġdid f’Għawdex sab il-miljuni biex tal-qalba jiffangaw.

Simon Busuttil tenna li l-mira tal-Partit Nazzjonalista hija li għall-ewwel darba f’għaxar snin itella’ it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.

Fl-attività ta’ dalgħodu ħadu sehem erba’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. Kevin Cutajar tkellem dwar kif il-Gvern kiser il-wegħda ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex. Helga Ellul tkellmet dwar il-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-inċertezza ekonomika fost persuni tan-negozju. Jonathan Shaw elenka l-proġetti li wettaq il-Partit Nazzjonalista f’Għawdex u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern għall-gżira Għawdxija. Norman Vella elenka l-benefiċċji li ħadet Malta mill-Unjoni Ewropea u l-wegħdi miksura ta’ Joseph Muscat f’sena waħda ta’ tmexxija.