Id-debutt tal-Karozzi Formula 4 tal-FIA kien wieħed ferm pożittiv fiċ-ċirkwit internazzjonali ta’ Adria fi tmiem il-ġimgħa meta saru l-ewwel testijiet uffiċjali tal-karozza Tatuus li se tkun qed tieħu sehem fil-kampjonat il-ġdid Taljan tal-FIA, F4. Din il-karozza għandha makna Abarth. Dan l-avvemiment ta’ testing kien jixbaħ ħafna tiġrija proprja hekk kif tmien timijiet li se jkunu qed jieħdu sehem fil-kampjonat, b’żewġ karozzi kull wieħed, għamlu provi estensivi permezz tas-16-il sewwieqa tagħhom fuq il-karozza Tatuus TO14.
It-tim Malti tal-Formula Racing (MFR), kellu l-ewwel testijiet tiegħu bis-sewwieq Keith Camilleri li kien taħt il-ħarsien kontinwu tal-ħames darbiet Champion tad-Dinja tal-Kart, Danilo Rossi flimkien ma’ Roberto Venieri, eks sewwieq tal-Minardi fil-Formula 1 li hu responsabbli mit-tmexxija teknika tat-tim Malti.
Sa mill-ewwel dawriet fiċ-ċirkwit, id-determinazzjoni tas-sewwieq Malti ta’ 21 sena kienet evidenti hekk kif beda jtejjeb il-ħinijiet tiegħu dawra wara l-oħra u fi tmiem is-sessjoni wara 70 dawra kellu ħin ta’ minuta 17.348 sekondi, żewġ sekondi biss bogħod mill-aħjar ħin reġistrat.
Ta’ min jirrimarka li l-prestazzjoni ta’ Camilleri sofriet daqqa ta’ ħarta bi problemi fil-gearbox mit-tielet għar-raba’ gear, problema li ppersistiet tul parti twila mill-provi u t-tim Malti kien assistit mill-mekkaniċi ta’ Magnet Marelli biex tinstab il-kawża tal-problema.
Danilo Rossi kien impressjonat bil-prestazzjoni ta’ Keith Camilleri li kellu ħinijiet viċin ħafna ta’ sewwieqa professjonali u meta wieħed iqis li ġej minn pajjiż fejn m’hawnx ċirkwit tat-tlielaq. Huwa rrimarka iżda li Camilleri jrid isib sponsors mill-aktar fis ħalli jkun jista’ jattendi aktar testijiet qabel jibda l-kampjonat.
Fi tmiem it-testing, l-aħjar ħin kien dak tar-Russu Robert Shwartzman tat-tim Adria li dar iċ-ċirkwit ta’ 2.657 km f’minuta 15.525 sek.
Fit-tieni jum ta’ testing it-tim Malti kompla bis-sewwieq ta’ 15-il sena minn Kalifornja, Zach Dante flimkien ma’ sewwieqa oħra li qed ilestu għall-ewwel tiġrija tal-istaġun li ser tkun fis-7 u t-8 ta’ Ġunju f’Adria. Il-kampjonat se jkun fih seba’ tiġrijiet bl-aħħar tiġrija ssir f’Barċellona fit-18 u d-19 ta’ Ottubru. Il-21 tiġrija kollha se jkunu qed jixxandru dirett fuq Rai Sport.
//= $special ?>