Ekonomija Lokali

It-tkabbir ekonomiku mhux qed jissarraf f’ħolqien ta’ impjiegi

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tbassir ekonomiku dwar Malta li fih jingħad li t-tkabbir ekonomiku mbassar mhux se jissarraf f’żieda fil-ħolqien tal-impjiegi. Ir-rapport isemmi li r-rata ta’ ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol ġodda mistennija tonqos minn 3.1%  s-sena li għaddiet għal 2.1%. Statistika oħra mill-Eurostat turi li l-kummerċ f’Malta naqas bi 2% bejn Marzu 2013 u Marzu2014. Dan kien l-ikbar tnaqqis irreġistrat fost it-28 Stat Membru tal-UE.

Kevin Borg, id-Direttur Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qal li l-ħolqien ta’ impjiegi hi waħda mill-ikbar sfidi li għandu bħalissa l-pajjiż. Hu qal li filwaqt li l-Kamra tal-Kummerċ hi kuntenta li qed jitbassar tkabbir ekonomiku, “it-tkabbir ekonomiku mhux qed ikun rifless f’ħolqien ta’ iktar impjiegi għaliex l-investiment li qed jidħol fil-pajjiż mhux qed jasal fil-ħiliet li qed joffri s-suq tax-xogħol fil-pajjiż. Barraminhekk, ħafna postijiet tax-xogħol eżistenti mhux qed ifittxu li jkabbru minħabba problemi ta’ kompetittività u li l-Kamra tal-Kummerċ ilha titkellem fuqhom.”

Kevin Borg jittama li t-tkabbir ekonomiku jwassal biex tikber il-fiduċja fl-ekonomija Maltija u maghha tiżdied il-possibiltà ta’ investiment. Id-Direttur Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ kompla li t-tkabbir ekonomiku jidher li se jkun iġġenerat minn konsum domestiku u l-Kamra tal-Kummerċ temmen li t-tkabbir ekonomiku għandu jkun xprunat minn domanda minn barra l-pajjiż għall-prodotti u s-servizzi tagħna u dan se jwassal għal tnaqqis fl-esportazzjoni.

“Għalhekk qed nerġgħu ntennu l-pożizzjoni tagħna li l-pajjiż għandu jħares lejn il-kompetittività tiegħu b’ċertu serjetà.”

Bżonn ta’ sforz biex jinħolqu postijiet tax-xogħol ta’ kwalità
Fuq l-istess linja kienu l-kummenti tal-ekonomista Stephanie Cutajar dwar il-ħtieġa li t-tkabbir ekonomiku ikun diversifikat u li t-tnaqqis fil-ħolqien tal-impjiegi u l-esportazzjoni huma sors ta’ tħassib.

“It-tkabbir ekonomiku jasal minn diversi fatturi fosthom il-konsum, l-esportazzjoni, l-investiment u n-nefqa tal-Gvern. Biex ikollna ekonomija bilanċjata u sostenibbli, hemm bżonn li dawn il-fatturi jiżdiedu kollha flimkien.”

Dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, Stephanie Cutajar qalet li t-tkabbir ekonomiku qed ikun attribwit l-iktar għaż-żieda fil-konsum u saħqet dwar l-importanza li dan il-konsum ma jkunx ikbar minn dak li qed jiflaħ il-pajjiż għaliex ikun hemm problemi fil-futur.

“Għal dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li se jinħolqu inqas impjiegi, jiġifieri jekk bħala eżempju is-sena li għaddiet Malta ħolqot 1,000 impjieg, din is-sena hi mistennija li toħloq inqas.” “Il-ħolqien tax-xogħol hu l-qofol ta’ kull ekonomija u għaldaqstant għandu jsir kull sforz biex jinħolqu postijiet tax-xogħol li jkunu ta’ kwalità”.

Stephanie Cutajar saħqet fuq l-importanza li jinħoloq ix-xogħol billi jkun attirat investiment ta’ kwalità. Il-proġetti ta’ darba hu tajbin iżda dawn jagħtu saħħa lill-ekonomija għal żmien qasir u għaldaqstant hu importanti li tkabbir ekonomiku ikun ibbażat “fuq investiment u esportazzjoni”.

Dwar il-kuntrast bejn it-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis fil-kummerċ, Stephanie Cutajar qalet li dan joħroġ minħabba li hemm konsum ferm ikbar ta’ servizzi milli ta’ prodotti. Frott ta’ dan il-kuntrast ukoll hu l-fenomenu tal-e-commerce li hi ta’ sfida għas-sidien ta’ ħwienet lokali. Hi qalet li intrapriżi lokali għandhom jinvestu iktar biex ilaħħqu ma’ pajjiżi oħra u jkunu mgħejjuna biex jidħlu fi swieq internazzjonali.

Bżonn ta’ azzjoni u miżuri konkreti
Għas-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Josef Vella, li t-tkabbir ekonomiku ma jissarrafx f’ħolqien ta’ iżjed impjiegi, jista’ jkun l-produttività mhux qed tkun iġġenerata hawn Malta. Hu qal li l-ekonomija Maltija hi miftuħa għall-kompetizzjoni u l-ħwienet qed iħossu dan minħabba l-bejgħ permezz tal-internet.

“Dan hu xogħol li mhux qed jinħoloq hawn Malta iżda f’pajjiżi oħrajn”.

Mistoqsi jekk il-Gvern hux qed jirnexxielu joħloq biżżejjed impjiegi, Josef Vella qal li l-ħolqien tal-impjiegi hi missjoni kontinwa li ma tispiċċa qatt.

“Jekk inħarsu lejn din l-istatistika, jidher li mhux qed jirnexxielna noħolqu biżżejjed impjiegi,” qal Josef Vella. “Meta kienet imnedija l-politika nazzjonali dwar l-impjiegi, aħna xprunajna lill-Gvern biex jattira l-investiment meħtieġ biex il-pjani għall-ħolqien tal-impjiegi jirnexxu.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM appella biex id-diskussjonijiet li qed isiru mill-imsieħba soċjali jieħdu l-ħajja u jissarfu f’azzjoni u miżuri konkreti.