Internazzjonali

Jiċħdu għall-ogħla paga minima fid-dinja

Il-votanti fl-Iżvizzera ċaħdu proposta biex il-pajjiż jintroduċi l-ogħla skala ta’ paga minima fid-dinja, u skont l-ewwel indikazzjonijiet li ħarġu mir-referendum.

Il-pjan kien jesiġi biex l-ażjendi li jħaddmu n-nies iħallsu minimu ta’ tmintax-il ewro fis-siegħa lill-istaff – bis-sostenituri tal-miżura jinsistu ‘dwar in-neċessita ta’ dan il-pass biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti’.

Iżda l-kritiċi qalu li l-proposta biex il-paga minima (fl-Iżvizzera) tiżdied għal tmintax-il ewro fis-siegħa fiha l-intoppi minħabba li pass bħal dan iżid ukoll l-ispejjeż tal-produzzjoni. Hemm imbagħad iż-żieda potenzjali fil-qgħad, għaliex f’sitwazzjoni bħal din, iż-żgħażagħ ikollhom jiffaċċjaw dejjem aktar problemi biex isibu x-xogħol.

Sadanittant, il-korrispondenti qalu li l-proposta ‘biex jibqgħu protetti l-iskali tas-salarji xierqa’ kienet l-aktar prominenti fost sensiela ta’ referenda li saru f’dan il-pajjiż.

Madankollu, l-aktar issue li qanqlet dibattitu kienet il-proposta appoġġjata mit-trade unions biex is-salarju annwali ta’ ħaddiem fl-Iżvizzera ma jkunx anqas minn 39,291 ewro fis-sena.