Futbol Sport

L-Ingilterra għat-tielet darba fil-finali

PORTUGALL…………0
INGILTERRA…………2

Portugall> Fabio Duarte, Hugo Santos, Ruben Dias, Yuri Ribeiro (Pedro Empis 75), Ruben Neves, Diogo Goncalves, Gonzalo Rodrigues (Buta 54), Alexandre Silva, Renato Sanches, Francisco Ferreira, Joao Carvalho (Pedro Delgado 78)

Ingilterra>Woodman, Kenny, Taf. Moore (Egbo 72), Ledson, Gomez, Armstrong (Onomah 36), Solanke, Brown, Cook, Taylor Moore, Robert (Cooke 77)

Imwissija> A. Silva (P), Cook, Egbo
Skorjaw> Solanke 52 min, Roberts 74 min (I)
Referee> Alexander Harkam (Awstrija)

Kontra kull mistennija fuq dak li wrew iż-żewġ naħat fl-ewwel 40 minuta, l-Ingilterra ħadu ċ-ċansijiet li kellhom u skorjaw darbtejn fit-tieni taqsima biex għat-tielet darba fl-istorja tagħhom se jkunu qed jilagħbu fil-finali ta’ din il-kategorija wara rebħa 2-0 kontra l-Portugall. Dawn kienu l-ewwel gowls li qalgħu l-Portugiżi f’din il-kompetizzjoni u li matul l-ewwel taqsima kienu sfortunati meta laqtu tliet darbiet il-lasta.

L-Ingilterra, Champions fl-2010 kienu ferm fortunati fl-ewwel taqsima imma ferm aktar perikolużi wara l-mistrieħ biex b’gowls ta’ Dominic Solanke u Patrick Roberts, li issa skorjaw tliet darbiet kull wieħed f’pajjiżna, eliminaw lill-favoriti Portugall.

It-tim ta’ Emilio Peixe kien għadu ma ġarrab l-ebda gowl fil-finali u matul disa’ partiti ta’ kwalifikazzjoni, biex wasal sas-semifinali, kien ġarrab biss gowl wieħed.

Imma l-istorja setgħet kienet ferm aktar differenti li kieku t-tim ta’ John Peacock ma ħelisiex ħafif minn baraxx wara kwarta. Gonzalo Rodriguez kien l-ewwel wieħed li ħoloq periklu għal-lasta ta’ Freddie Woodman imma ma laqatx tajjeb u l-gowlkiper Ingliż salva b’saqajh.

Mumenti wara Woodman ma seta’ jagħmel xejn għajr iħares lejn il-ballun jaħbat mal-lasta fuq xutt ta’ Diogo Goncalves.

Appena minuta Alexandre Silva daħal għal suġġeriment ta’ Joao Carvalho imma spara għoli u fid-19-il minuta kien Ruben Neves li b’xutt qawwi mid-distanza stampa l-mimduda. Eżatt qabel il-mistrieħ reġgħet kienet il-lasta li għat-tielet darba ċaħħdet lill-Portugiżi fuq xutt ta’ Goncalves bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u jispiċċa f’idejn Woodman.

L-Ingliżi kienu mingħajr Adam Armstrong, l-aqwa skorer fil-kwalifiki li kellu jinbidel wara li weġġa’ u l-uniku azzjoni denja tagħhom kienet daqqa ta’ ras ta’ Solanke.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Joshua Onomah li daħal flok Armstrong kellu ċans tajjeb li jiftaħ l-iskor imma falla waqt li SOLANKE li lagħab bħala attakkant ċentrali bil-ħruġ ta’ Armstrong, fetaħ l-iskor fit-52 minuta meta rċieva mingħand Taylor Moore u wara kontroll eċċellenti qabbeż fuq Duarte.

Is-sostitut tal-Portugall Buta wkoll kien għoddu ħalla impatt kif daħal jilgħab imma l-cross tiegħu kien indirizzart barra bir-ras minn Goncalves u fuq in-naħa l-oħra ROBERTS kien ferm aktar fortunat meta kellu xutt b’saħħtu jaħbat ma’ Ruben Dias u jispiċċa wara Duarte. Fl-aħħar sekonsdi Goncalves falla ċans tajjeb li jnaqqas l-iskor għat-tim ta’ Peixe.