Futbol Sport

Martino jirriżenja minn kowċ ta’ Barcelona

Gerardo Martino irriżenja minn kowċ ta’ Barcelona bi ftehim reċiproku wara li naqas milli jirbaħ La Liga. Barcelona riedu jegħlbu lil Atletico fl-aħħar logħba biex jirbħu l-kampjonat imma spiċċaw draw 1-1 u minflok kienu Atletico li rebħu La Liga.

Dan kien ifisser li Barcelona spiċċaw l-istaġun mingħajr rebħ ta’ unur għall-ewwel darba sa mill-2007-08. Martino li għandu 51 sena qal li jiddispjaċih li ma kienx kapaċi jipprovdi unur lill-klabb u rringrazzja lill-istess klabb tal-fiduċja li wera fih. Martino ħa post Tito Vilanova f’Lulju tas-sena l-oħra u kien iffirma kuntratt ta’ sentejn f’Nou Camp.

“Jiddispjaċini ħafna li ma lħaqtx il-miri li dan il-klabb minn dejjem poġġa quddiemu. Dawn huma plejers kbar li għamluni kburi u nirringrazzjahom mill-qalb,” qal Martino.

L-eks plejer ta’ Barcelona Luis Enrique li se jitlaq minn kowċ ta’ Celta Vigo fis-sajf qed jissemma minflok Martino.

RENARD – Sadanittant anke l-kowċ ta’ Sochaux fi Franza Herve Renard ħabbar li se jitlaq minn Stade Auguste Bonal wara li l-klabb ġie relegat għat-tieni diviżjoni għall-ewwel darba wara 13-il sena b’telfa 3-0 għand Evian TG fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonat.