Pazjenti u l-qraba tagħhom qegħdin jinkwetaw fuq is-sitwazzjoni ta’ nuqqasijiet fis-servizzi tas-saħħa jew inkella kif qegħdin jingħataw ċertu servizzi. It-taħwid li jeżiżti fis-servizzi tas-saħħa qed ibatu minnu l-aktar dawk li huma morda fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom, dawk li jiddependu fuq is-servizzi pubbliċi tas-saħħa u fuq il-mediċini b’xejn, u l-ħaddiema li jridu jikkurawhom u li qed ibatu transfers politiċi.
F’kummenti lil il-mument, it-Tabib Mario Rizzo Naudi qal li qiegħed jiltaqa’ ma’ bosta problemi, imma fl-aħħar jiem iltaqa’ ma’ każ li xxukjah. “Pazjenta bi problemi newroloġiċi, li biex tkun tista’ tibqa’ timxi għandha bżonn ta’ injezzjoni f’kull sieq kull tliet xhur u li ilha tiddependi fuq dawn l-injezzjonijiet mill-2007, u taħt gvern Nazzjonalista dejjem ħadithom b’xejn, ħabta u sabta, dawn ġew imwaqqfa.”
It-Tabib Rizzo Naudi qal li dan ifisser li pazjenti bħal din il-mara li jafha personalment, issa għandhom spiża ta’ €540 kull tliet xhur. “Min m’għandux minn fejn iħallas, għażla waħda għandu jagħmel id-dejn fuq saħħtu, għax inkella jispiċċa ma jimxix!”
Mediċini out-of-stock
Pazjenta oħra li tkellmet ma’ il-mument qalet li ċemplet il-POYC (l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek) biex tistaqsi għal xi mediċini u infurmawha li se jibgħatuhomlha fl-ispiżerija. Meta marret għalihom, l-ispiżjara qaltilha li dawk kienu waslulha imma ordnawlha biex tagħtihom lil ħaddieħor.
Sadattant, problema oħra għall-pazjenti hi li fl-ispiżeriji privati ma jsibux il-mediċini li jkunu intitolati għalihom b’xejn mingħand il-gvern, jiġifieri dawk li jkunu out-of-stock. Dawn l-imsejkin pazjenti jmorru f’daqqa għall-mediċini, biex jippruvaw jixtruhom. Ovvjament l-aġent ma jistokjax ħafna minn dawn il-mediċini peress li jingħataw b’xejn mill-berġa. Jekk ikollu stock kbir u jibqa’ għandu mhux mibjugħ, jiskadi u jitlef il-flus. Din tal-out-of-stock hija problema għall pazjenti, imma ukoll problema għall-importatur tal-mediċini li ma jistax jipprepara kemm għandu jordna.
Spiżjara taħt pressjoni
L-ispiżjara jinsabu wkoll imdejqin ħafna għaliex in-nies qegħdin jeħduha magħhom għaliex tal-POYC qegħdin jgħidu li fl-ispiżeriji hemm żgur, u fil-fatt dan ma jkunx minnu. Spiżjar li tkellem ma’ din il-gazzetta qal li ġieli tawhom mediċini imma in-numru ikun xi erba’ kaxxi, meta hu bħala spiżjar jkun irid jaqdi għexieren ta’ pazjenti. Minħabba f’hekk ikollu jqassamhom strippa, strippa lil kulhadd u jservu biss għal xi sebat ijiem biss u mhux għal 60 ġurnata kif suppost. “Qisna bil-kartuna tar-razzjon tas-snin 70 meta konna immoru għall-għaġin, iz-zokkor jew it-dqiq” qal dan l-ispiżjar.
Pazjenti jmorru għand il-Ministru
L-ispiżjara jinsabu wkoll demotivati fix-xogħol tagħhom. Dejjem sejrin in-nies jiġġieldu magħhom. Kollha mimlijin b’nervi. Spiżjara oħra li tkellmet ma’ din il-gazzetta qalet li pazjent talabha kopja tal-kartuna tiegħu fejn jinkitbu l-mediċini li jingħataw lill-pazjent biex jagħtiha lill-Ministru ħalli jgħidlu kemm ilu ma jieħu l-mediċina u forsi jġibilu. F’dan il-każ kienet il-mediċina amlodipine li ilha xaharejn nieqsa.
L-istess pazjent qal lill-ispiżjara “ara fhix wasalna … tallaba għall-mediċini biex nibqgħu ngħixu,” waqt li żied li “l-Gvern Laburista hekk iridna, li mmorru għand il-Ministru nittalbu għal dak li hu dritt tagħna jew biex jidher super hero inkella biex joħrog ta’ ħanin.”
//= $special ?>