Nhar is-Sibt kien l-aħħar jum li matulu, dawk eliġibbli biex jivvutaw setgħu jiġbru d-dokument tal-vot mill-għasses tal-pulizija jew, fil-lokalitajiet fejn ma hemmx għassa, mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali.
Wara li fl-Għaxra ta’ bil-lejl tas-Sibt filgħaxija ntemm it-tqassim tal-voti mill-għasses jew mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali fadal 26,372 dokument tal-vot x’jinġabru. Dan ifisser għal 7.7% tat-total tal-votanti reġistrati skont l-aħħar reġistru elettorali li jammonta għal 344,356.
Il-lokalità bl-iktar dokumenti tal-vot mhux miġbura hija dik ta’ San Pawl il-Baħar. Wara ssegwi l-lokalità ta’ Tas-Sliema u l-lokalità ta’ San Ġiljan. Isegwu l-lokalitajiet ta’ Marsascala, il-Mosta u Birkirkara.
Min għadu ma ġabarx id-dokument tal-vot tiegħu issa jrid jiġbru personalment mill-Uffiċċju Elettorali f’Evans Building il-Belt Valletta jew, fil-każ tal-votanti reġistrati f’Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex. Il-ġranet u l-ħinijiet li fihom wieħed jista’ jiġbor id-dokument tal-vot huma minn nhar it-Tnejn sal-Erbgħa mit-8am sas-2pm u mit-3pm sad-9pm u nhar il-Ħamis mit-8am sas-2pm u mit-3pm sa’ nofsillejl.
U minkejja li l-ġurnata proprja tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hija nhar is-Sibt li ġej, l-24 ta’ Mejju, is-Sibt 17 ta’ Mejju kien hemm min diġa’ beda jitfa’ l-vot tiegħu.
Fil-fatt, ġimgħa qabel il-jum proprju tal-elezzjoni, ivvutaw l-anzjani li jgħixu fi 23 dar tal-anzjani li għandhom aktar minn 50 resident fihom. Bl-akbar dar tal-anzjani tkun dik ta’ San Vinċenż de Paul.
Fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, matul il-ġurnata tas-Sibt tkeċċiet Assistent Kummissjonarju Elettorali tal-Partit Laburista wara li allegatament qassmet ritratti tal-kandidat Laburista Charlon Gouder lill-anzjani li kienu deħlin jivvutaw. Malli l-uffiċjali ndunaw x’kien qed jiġri, saret investigazzjoni, li fiha ddaħlet ukoll il-pulizija, li wasslet biex din titkeċċa minn fuq il-post.
Sadanittant is-Sibt 17 ta’ Mejju ivvutaw ukoll dawk li nhar is-Sibt li ġej se jkunu msefrin – dawn ivvutaw fis-sala fejn jingħaddu l-voti n-Naxxar.
//= $special ?>