Il-Partit Laburista, li sa ftit snin ilu kien kontra l-Unjoni Ewropea u li għad għandu miegħu esponenti ewlenin li ma jemmnux fl-Unjoni Ewropea kien deskritt mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat l-uniku Partit Ewropew f’Malta.
F’attività politika f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru Muscat qal li l-akbar kisba li għamel il-pajjiż fl-aħħar sena kienet il-liġi tal-Unjoni Ċivili, li permezz tagħha l-koppji tal-istess sess jistgħu jaddottaw it-tfal.
Fost ir-raġunijiet li Joseph Muscat ġab biex jikkonvinċi lill-partitarji quddiemu li l-Partit Laburista hu l-uniku Partit Ewropew f’Malta, kien hemm is-snin sittin u l-kwistjonijiet li seħħu dak iż-żmien.
Muscat qal li kien il-Partit Laburista li bexxaq it-twieqi biex tidħol buffura ta’ arja friska li qed iġġib bidla fil-pajjiż. Il-Mexxej Laburista sostna li din hi l-istess arja bħal dik li kien hemm fis-snin sittin meta, skont Muscat, kien hemm kwistjonijiet marbuta mad-dritt tal-espressjoni, il-qari tal-gazzetta u d-dritt tal-għażla. Kwistjonijiet marbuta mal-ġlieda li l-Partit Laburista kien għamel mal-knisja.
Skont il-Prim Ministru Muscat dawn kienu ideali li dak iż-żmien kienu ssakkru barra iżda issa reġghu daħlu lura.
Kontinwament jappella lil-Laburisti biex joħorġu jivvutaw, il-Prim Ministru wiegħed lil-Laburisti li wara nhar il-Ħadd se jkun qed jagħmel 200% biex ibiddel il-kultura u l-mentalità. Skont il-Prim Ministru, wara nhar il-Ħadd l-irjieħ tal-bidla se jkomplu jkaxkru.
Lil-Laburisti, il-Prim Ministru qallhom ukoll li l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej hi elezzjoni u għażla fuqu personali u fuq il-mod kif qed imexxi l-gvern. Joseph Muscat poġġa wkoll l-elezzjoni ta’ nhar is-sibt bħala elezzjoni u għażla bejnu u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Filwaqt li tul id-diskors tiegħu l-Prim Ministru enfasizza l-istil ta’ politika li qed imexxi biha l-gvern tiegħu, hekk kif spiċċa d-diskors Joseph Muscat mar jieħu b’idejn l-eks kandidat Laburista Cyrus Engerer li kien fuq quddiem fl-attività politika Laburista f’Ħal Qormi.
//= $special ?>