Minn riċerka li saret minn il-mument jirriżulta li filwaqt li f’Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat u Ministri Laburisti qegħdin jibqgħu jiddefendu lil Cyrus Engerer wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell li xerred bi tpattija materjal pornografiku u ritratti kompromettenti tal-eks sieħeb tiegħu ma’ rġiel oħrajn, f’diversi pajjiżi fosthom fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit u fil-Ġappun, gvernijiet, kapijiet ta’ gvern, politiċi u għaqdiet volontarji għaddejjin b’kampanja u b’inizjattivi biex atti bħal dawn kif għamel Cyrus Engerer li jikkonsistu “f’tixrid ta’ materjal pornografiku ta’ eks sieħeb jew eks sieħba bi tpattija u bla permess tagħhom” mhux biss ikunu kundannati iżda jġorru piena ħorox ta’ ħabs kif ukoll multi.
L-imġiba tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’dan il-każ tikkuntrasta bil-qawwa u toħroġ ukoll id-differenza fil-politiċi li jagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Bil-kontra ta’ dak li seħħ mill-Prim Ministru fl-aħħar ġimgħa, f’numru ta’ pajjiżi fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġappun – il-gvernijiet, membri tal-ġudikatura u għaqdiet volontarji huma mħassba serjament dwar każi dejjem jiżdiedu ta’ “tixrid ta’ ritratti ta’ tpattija li juru nies jew eks maħbubin f’atti sesswali” bħalma huwa l-każ ta’ Cyrus Engerer.
Liġijiet ħorox fl-Istati Uniti
Fl-Istati Uniti mill-inqas għaxar stati għaddew liġijiet speċifiċi u ħorox ħafna f’dik li hija piena f’każi ta’ tixrid ta’ kontenut bħal dan mingħajr il-permess tal-individwu li skont l-esperti fil-maġġor parti tal-każi jaslu sa dan l-istadju wara li r-relazzjoni bejn il-partijiet konċernati tispiċċa ħażin. Eżattament bħalma seħħ fil-każ ta’ relazzjoni li kellu Cyrus Engerer mal-eks sieħeb tiegħu.
Aktar Stati Amerikani qegħdin jikkunsidraw serjament li jdaħħlu liġijiet speċifiċi għal reati bħal dawn, uħud minnhom minn din is-sena stess.
Holly Jacobs, Fundatriċi tal-kampanja End Revenge Porn u tal-għaqda volontarja Cyber Civil Rights Initiative qed tħeġġeġ lill-vittmi ta’ każi bħal dawn biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna, ħalli liġijiet bħal dawn jiddaħħlu fis-seħħ u jkunu mill-aktar effettivi f’dawk li huma pieni kriminali.
Tħassib serju fir-Renju Unit
It-tixrid ta’ materjal b’kontenut pornografiku bi tpattija – li skont għaqdiet volontarji u ta’ appoġġ fir-Renju Unit – jinvolvu persuni li jxerrdu kontenut sesswali tal-eks sieħeb jew sieħba tagħhom fuq l-internet mingħajr il-permess tagħhom, qiegħed jiżdied.
Il-UK Safer Internet Centre, in-National Stalking Helpline u l-Women’s Aid, kollha kemm huma qegħdin jiddikajraw li din il-problema qiegħda tinfirex u tikber.
Laura Higgins, helpline manager tal-UK Safer Internet Centre qalet lill-BBC li fl-aħħar 12-il xahar dawn il-każi żdiedu, “iżda l-każi li qegħdin jidħlu huma biss it-tarf tal-problema .”
“Wisq huma l-vittmi li jħossuhom imbarazzati u umiljati biex jitkellmu ħalli jfittxu l-għajnuna jew parir.” Gruppi volontarji qegħdin jagħmlu pressjoni biex ir-Renju Unit jinforza liġijiet bħalma hemm f’diversi Stati Amerikani.
L-Avukat Ġenerali fl-Iskozja wkoll qed isejjaħ biex ikun hemm leġiżlazzjoni speċifika. Frank Mulholland irrefera wkoll għal numru ta’ każi li fosthom kien hemm ritratti b’kontenut ta’ atti sesswali li ntbagħtu lill-ħbieb jew qraba bl-iskop li jimbarazzaw lill-vittma. Hu qal li liġi speċifika li tikkumbatti dawn il-każi tibgħat messaġġ li “din hija prattika illegali”.
Id-Deputat Skoċċiża Christina McKelvie stqarret li azzjonijiet bħal dawn huma atti ta’ kattiverja, maħsuba biex jeqirdu l-ħajja tal-vittma billi jitilfu r-rispett u f’xi drabi saħansitra jispiċċaw biex jitilfu l-impjieg.
Tanya Rhodes mill-fergħa Skoċċiża ta’ Women’s Aid iddikjarat: “it-tixrid ta’ materjal pornografu bi tpattija huwa att ta’ tradiment u qiegħed jinferex b’ritmu qawwi bħala l-aktar att kriminali li qed isir b’ħażen u biex iweġġa’ fil-ġenerazzjoni on-line.”
Il-politiċi fil-Ġappun jieħdu azzjoni
Fil-Ġappun, politiċi qegħdin jiddiskutu miżuri legali biex it-tixrid ta’ materjal pornografiku bi tpattija jsir illegali – li l-iskop ta’ att bħal dawn huwa biex l-eks sieħebċa jiġu umiljati inkella bħala mezz ta’ theddida biex il-vittma jkompli jew tkompli fir-relazzjoni. Fi Frar li għadda, twaqqaf kumitat apposta li beda jiddiskuti mezzi ħalli titfassal liġi apposta li tikkriminalizza b’penali ħorox minn iwettaq offiża bħal din.