Internazzjonali

‘No fly zone’ fuq Benghazi

L-Armata Libjana qalet li daħlet fis-seħħ no-fly zone fuq il-belt ta’ Benghazi u wara l-aħħar ġlied, fl-inħawi, bejn il-membri ta’ qawwa paramilitari ġdida u l-militanti Iżlamiċi.

Mietu u indarbu l-għexieren tan-nies waqt il-ġlied u meta f’Benghazi seħħew ukoll il-battalji kontinwi bejn taqsimiet tal-Armata u l-militanti li huma akkużati dwar il-qtil ta’ diversi membri tas-sigurta Libjani.

Il-Libja ilha ‘l bogħod mill-istabbilta mindu r-reġim tal-eks-dittatur, Muammar Gaddafi, kkrolla waqt ir-rewwixta tal-2011. Intant, għad trid titfassal il-Kostituzzjoni ġdida tal-pajjiż: bil-Libja jkollha xejn anqas minn tliet Prim Ministri minn Marzu sal-lum.

L-aħħar rapporti qalu li l-Kap tal-Armata Libjana ddikjara n-no-fly zone fuq Benghazi biex ma jippermettix li l-entita paramilitari ġdida tuża l-qawwiet tal-ajru kontra l-militanti Iżlamiċi f’Benghazi. Madankollu, ma kienx ċar kif l-Armata għandha żżomm ‘mal-impenn’ biex tispara fuq l-inġenji tal-ajru militari li jgħaddu minn fuq din il-belt.

L-Armata tinsab attenta għall-iżviluppi wara li Khalifa Haftar, Kurunell irtirat u eks-kap tar-ribelli, kien uża, almenu, helicopter waqt il-ġlied ta’ nhar il-Ġimgħa bejn il-paramilitari tiegħu u l-militanti Iżlamiċi ta’ Benghazi. Haftar qed imexxi anki offensiva tal-art kontra l-militanti u lest li jkompli ‘sakemm jeħilsu Benghazi mit-terroristi’.

Iżda l-iSpeaker tal-Parlament Libjan, Nuri Abu Sahmain – li hu anki l-Kap-Kmandant tal-militar – qal li Hafter qed jipprova jwettaq kolp ta’ stat, meta xi membri tal-Armata u l-qawwiet tal-ajru Libjani huma parti mill-entita paramilitari li qed imexxi.