L-aħħar rapporti minn Tripli, irreferew għall-isparaturi kontinwi li kienu għaddejjin fl-inħawi tal-Parlament u fost indikazzjonijiet li l-qawwiet ta’ Khalifa Haftar, Kurunell irtirat u eks-Kap tar-ribelli, kienu qed jattakkaw il-bini bl-iskop li jarrestaw ‘numru ta’ Iżlamiċi’.
Dan meta l-iSpeaker tal-Parlament Libjan, Nuri Abu Sahmain – li hu anki l-Kap-Kmandant tal-militar – akkuża lil Hafter talli qed jipprova jwettaq kolp ta’ stat. Mifhum ukoll, sadanittant, li xi membri tal-Armata u l-qawwiet tal-ajru Libjani qed jiffurmaw parti minn entità paramilitari ġdida taħt it-tmexxija ta’ Hafter, li fil-preżent qed jinsisti b’offensiva fuq il-brigati tal-militanti Iżlamiċi fl-inħawi ta’ Benghazi.
L-isparaturi fi Tripli kienu għadhom għaddejjin sakemm morna għall-istampa u fejn l-allegati ‘qawwiet ta’ Hafter’ kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ reżistenza determinata.
Madankollu, il-Parlament Libjan laħaq issospenda s-sessjoni wara li rċieva twissija minn qabel dwar ‘l-attakk’ li kompla jżid mal-instabbilta ta’ dan il-pajjiż.
//= $special ?>