“It-trasparenza u l-imġieba miftuħa għall-iskrutinju huma l-pedamenti ta’ demokrazija ħajja”. Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola saħaq dan fi stqarrija fil-kuntest ta’ dak li ġara fil-Ministeru tal-Intern dan l-aħħar. Cassola qal li l-kwistjoni tat-trasparenza vera qed issir kwistjoni reali f’pajjiżna. Fisser kif filwaqt li l-Ombudsman ħa l-inizjattiva biex jinvestiga lmenti dwar promozzjonijiet fl-Armata, il-Ministru Manwel Mallia qed jipprova jwaqqfu milli jagħmel dan għax qal li mhuwiex xogħol l-Ombudsman li jibda investigazzjonijiet.
Skont iċ-Chairperson ta’ AD, il-Ministru Mallia wkoll qed jirrifjuta li jiżvela x’kienu r-raġunijiet wara t-trasferiment ta’ Surġent tal-Pulizija minn Għawdex għal Malta, imbagħad lura għal Għawdex f’temp ta’ ġurnata. Arnold Cassola stqarr li l-Ministru Mallia jeħtieġ li jieqaf milli jipprova jaħbi r-raġunijiet veri wara aġir ta’ din ix-xorta.
Iċ-Chairperson ta’ AD temm jgħid li meta wieħed jikkunsidra wkoll li l-Ministru Konrad Mizzi ma jridx jippubblika l-kuntratt tal-Electrogas, li l-Ministru Owen Bonnici qed iżomm il-pubblikazzjoni tal-kuntratt ta’ Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza u li l-Prim Ministru kien qed jinnegozja bil-moħbi fi Brussell biex jankra tanker tal-gass 12 km ‘il bogħod minn Malta filwaqt li f’Malta jgħidilna li dan mhux possibbli, wieħed jara attakk reali fuq it-trasparenza u l-politika fil-miftuħ.
//= $special ?>