“Jeħtieġ li nagħtu spazju u vuċi lil tfal refuġjati biex jesprimu l-esperjenzi tagħhom u minn xhiex għaddew fil-vjaġġ tagħhom: minn ħajja kollha mrar għal ġejjieni aħjar”. Dan qalitu l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’diskors fil-ftuħ ta’ konferenza, bit-tema “Refugees seeking asylum: The case of unaccompanied children and young asylum seekers“. Il-konferenza, li kienet organizzata mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u d-Dipartiment tal-Istudji dwar iż-Żgħażagħ u l-Komunità fi ħdan l-Università ta’ Malta, saret fl-Università il-Qadima fil-Belt.
Il-President ta’ Malta qalet li l-Gvern jinsab impenjat li jgħin tfal mhux akkumpanjati mill-ġenituri jew mill-qraba tagħhom meta jaslu pajjiżna. Hi fissret kif inbeda proċess dwar il-ħarsien tat-tfal u semmiet kif bħalissa hemm Abbozz ta’ Liġi quddiem il-Parlament dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, li jinsab fl-istadju tat-Tieni Qari. Il-President Coleiro Preca qalet li meta wieħed jindirizza d-diffikultajiet speċifiċi li jġarrbu tfal ta’ refuġjati li qed ifittxu l-ażil, jistgħu jinstabu s-soluzzjonijiet. Hi saħqet fuq il-ħtieġa li s-sitwazzjoni ta’ tfal immigranti li ma jkunux akkumpanjati minn adulti tingħata iżjed importanza fl-Ewropa.
Il-President ta’ Malta spjegat kif meta kienet Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali semgħet bi stejjer ta’ tfal li abbandunaw kollox u ħarbu minn art twelidhom minħabba gwerra jew persekuzzjoni. Hi ddeskriviet kif dawn it-tfal esperjenzaw ukoll l-immigrazzjoni matul it-tfulija tagħhom. “Malta tista’ tagħti opportunità lit-tfal tar-refuġjati biex joħolmu mill-ġdid”, sostniet Coleiro Preca. Il-President ta’ Malta saħqet ukoll dwar l-importanza li tingħata umanità lill-każi li jiġu quddiem min jaħdem ma’ tfal refuġjati, filwaqt li żiedet li s-servizzi tal-Gvern għandhom ukoll jirriflettu d-diversità.
Marie Louise Coleiro Preca fakkret kif tfal mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-ażil setgħu ghaddew minn trawmi kbar, fosthom abbużi sesswali, psikoloġiċi jew fiżiċi. Setgħu wkoll kienu tfal suldati. Għaldaqstant, għandu jsir minn kollox biex tfal li qed ifittxu l-ażil ma jibqgħux trawmatizzati, anzi jingħataw l-imħabba u l-ħarsien meħtieġ. Fl-istess waqt, sostniet il-President, ma tistax tingħata attenzjoni lil dawn it-tfal u fl-istess ħin jgħaddu minn esperjenzi ta’ razziżmu.
//= $special ?>