Fl-aħħar ftit snin qam moviment fid-dinja li qed jagħmel argument qawwi kontra d-diżugwaljanza. Hemm xi ħaġa f’qalb kull bniedem li tgħidilna li mhux sew li f’soċjetà jkun hemm differenzi esaġerati bejn dawk ta’ fuq nett u l-bqija.
Il-1 fil-mija ma jistgħux jibqgħu jitħanżru
Fl-aħħar snin f’ħafna bliet madwar id-dinja saru protesti li okkupaw spazji pubbliċi f’argument li l-1 fil-mija li jmexxu kumpaniji dinjin u banek ma jistgħux jibqgħu jitħanżru f’soċjetajiet li qed isiru anqas ugwali u fejn id-differenza bejn is-sinjuri nett u l-foqra nett qed tikber bis-sinjuruni jistagħnew saħansitra aktar waqt li l-foqra jiftaqru dejjem aktar.
F’soċjetajiet egalitarji, kulħadd jgħix aħjar
Riċerka soċjali turi wkoll li soċjetajiet b’ugwaljanza akbar huma aħjar anke għas-sinjuri stess. F’soċjetajiet egalitarji, in-nies jgħixu f’saħħithom aktar, ikun hemm livell ta’ edukazzjoni aqwa, in-nies jgħixu f’koeżjoni soċjali akbar u sseħħ anqas kriminalità. Dan hu tajjeb għal kulħadd.
L-argument intellettwali ta’ Thomas Piketty…
L-argument intellettwali ta’ dan il-moviment issa qed jagħmlu wkoll ekonomista magħruf Franċiż, Thomas Piketty, li x-xahar li għadda ħareġ ktieb li – minkejja li hu ktieb dwar l-ekonomija – sar bestseller fuq l-Amazon: ‘Il-Kapital fis-Seklu XXI’.
… fil-bestseller riċenti ‘Capital in the Twenty-First Century’
Il-ktieb ta’ Piketty juri kif f’nofs is-Seklu XX, kien hemm xejra madwar id-dinja li d-diżugwaljanza tonqos. Imma issa reġgħin lura u d-diżugwaljanza qed terġa’ tikber. Dak li jissuġġerixxi Piketty qajjem kontroversja u mhux bilfors wieħed jaqbel miegħu, imma l-marda li sab hi waħda li ħadd ma jista’ jiċħad – diżugwaljanza.
F’Malta wkoll anke waqt il-kampanja għall-elezzjoni tas-Sibt li ġej
L-argument dwar id-diżugwaljanza qed isir ukoll f’Malta u sar anke fil-kampanja għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. U jerġa’ mhux fuq id-diżugwaljanza maħluqa minn xi kumpaniji kbar privati jew banek imma fuq il-livell politiku tal-gvern.
Tal-qalba jiffangaw minn flus il-bqija…
Għax hu evidenti issa li l-gvern Laburista qed joħloq diżugwaljanza bejn tal-qalba, ta’ ġewwa, u l-bqija, u jerġa’, minn flus il-bqija. Nies li issa hu ċar li daħlu fil-politika biex jinqdew huma, qed jiffangaw minn flus il-poplu, jiġifieri flus il-bqija, f’jobs u karigi mal-gvern imħallsin b’salarji u perkaċċi lussużi li – barra li qed jitħallsu mill-bqija – il-bqija lanqas biss joħolmuhom.
… u l-bqija jridu jikkuntentaw b’xi loqma li jwaddbulhom tal-qalba
Dan mhux sew. Mhux sew li l-gvern Laburista joħloq soċjetà maqsuma bejn dawk li huma qribu u l-bqija. Nies ta’ kull fehma politika qed iħossu li mhux sew li jkun hemm din il-qasma b’tal-qalba jiffangaw u, minfuq, jippretendu li l-bqija jċapċpu kull meta tal-qalba forsi jwaddbu lill-bqija xi loqma minn flus il-poplu stess.
Mhux sew
L-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt hi wkoll ċans biex ngħidu li dan mhux sew.