Ekonomija Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-Gvern għandu jkun traspartenti mal-poplu Malti u Għawdxi – Mario de Marco

Wara li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ħeba deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li tħabbret minn Brussell fis-7 ta’ Mejju li għadda u li tfisser li se jonqsu b’mod drastiku l-inċentivi finanzjarji għall-industrija Maltija, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tappella lill-Gvern biex ikun trasparenti mal-poplu Malti u Għawdxi. Fl-istess waqt, qed tappella lill-Gvern ukoll biex jaġixxi u jieħu passi ħalli jassigura li l-indikaturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-manifattura u l-bejgħ mill-ħwienet jieħdu xejra differenti minn dik li ħadu fl-aħħar sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kamra tal-Kummerċ, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Mario de Marco appella lill-Gvern biex ma jħallix l-ekonomija timxi weħidha. Fl-istess ħin, ġie spjegat kif din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea hi konferma ta’ kemm il-Gvern Malti mhuwiex kapaċi jinnegozja mal-Unjoni Ewropea. Mario de Marco rrikonoxxa l-fatt li f’ċertu setturi, l-ekonomija Maltija miexja ‘l quddiem. Madankollu, wieħed ma jistax ma jirrimarkax dwar it-tnaqqis drastiku fl-esportazzjoni u l-importazzjoni fl-aħħar sena għax ma’ dawn wieħed irid iżid ukoll il-bejgħ mill-ħwienet, sostna l-Viċi Kap Nazzjonalista.

Fis-settur tal-manifattura biss, li jiddependi fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni, jaħdmu mill-anqas 20,000 persuna. F’dak li għandu x’jaqsam mal-esportazzjoni, matul is-sena li għaddiet, Malta kellha l-akbar tnaqqis fl-UE (20%), filwaqt li l-akbar tnaqqis fl-UE kien irreġistrat ukoll fil-produzzjoni industrijali, li f’Jannar naqas b’14%. Mario de Marco għamel referenza wkoll għal żewġ dikjarazzjonijiet importanti li saru l-ġimgħa li għaddiet: dik tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, li żvela li fl-2013 kien hemm tnaqqis fis-self mill-banek għal skopijiet ta’ investiment, u d-dikjarazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ, li sostniet li dan it-tnaqqis kien dovut għan-nuqqas ta’ aptit ta’ investiment fil-pajjiż.

Dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Mario de Marco staqsa għaliex il-Gvern qed jinsisti li din l-informazzjoni ilha pubblika minn Lulju li għadda, meta l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea saret fis-7 ta’ Mejju. Jekk il-Gvern Malti kien jaf b’din id-deċiżjoni fl-2013, messu nnegozja mal-Kummissjoni Ewropea u ġab ir-riżultati għal Malta minflok ħalla kollox għaddej, sostna Mario de Marco.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Ewopew u kandidat għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju Roberta Metsola u l-kandidat Stefano Mallia.